Meħlus mill-akkużi li kkorrompa tifla għax il-każ preskritt; Imħallef jitlob biex tinbidel il-liġi

Il-każ seħħ bejn l-1996 u l-1997 biex il-każ ġie preskritt fl-2007

L-Imħallef Giovanni Grixti talab biex tinbidel il-liġi dwar iż-żmien stipulat biex każ ikun preskritt għal dawk il-każijiet li jinvolvu abbuż fuq minuri.

Huwa għamel dan l-appell hekk kif ħeles raġel minn akkużi simili wara li l-każ ġie preskritt għax minn fuqu għadda ħafna żmien.

Ir-raġel kien instab ħati li abbuża minn tifla li kellha inqas minn 12-il sena waqt li kienu fuq dgħajsa mal-familja.

Dakinhar, fuq id-dgħajsa, l-akkużat kien neża għarwien quddiem it-tifla iżda drabi oħra, waqt li kienu jkunu qed jilgħabu, kien miss lit-tifla fil-partijiet tagħha.

Fl-2010, snin wara li l-vittma ma baqgħetx taħt l-età, irrappurtat lill-Pulizija dwar dawn l-inċidenti li seħħew madwar l-1997 meta kellha 10 snin.

Skont il-Kodiċi Kriminali, il-perjodu biex każ ikun preskritt jiġi kkalkulat skont il-piena massima li wieħed jista’ jeħel mingħajr ma jittieħdu inkonsiderazzjoni fatturi oħra li jagħmlu r-reat wieħed aggravat.

Dan ir-raġel seta’ jeħel bejn ħames u 12-il sena ħabs, iżda l-Qorti tal-Appell sabet li l-ewwel Qorti kienet żbaljata għax ħadet inkonsiderazzjoni fatturi aggravati u għalhekk sabet lir-raġel ħati meta l-każ kien preskritt.

Minħabba l-fatt li l-abbuż seħħ bejn l-1996 u l-1997, il-każ kien preskritt bejn l-2006 u l-2007 u għalhekk ir-raġel ma setax jinstab ħati.

Kien hawn li l-Imħallef appella biex f'każijiet ta' abbuż fuq minuri tinbidel il-liġi biex mhux biss tkun aktar ċara iżda anke tiddeċiedi jekk iż-żmien biex każ ikun preskritt għandux jibda japplika minn meta l-vittma tagħlaq 18-il sena.

More in Qrati u Pulizija