L-Avukat tal-Kaptan tal-Lifeline mwissi mill-Maġistrat Joe Mifsud

...avżah biex ma jorganizzax aktar konferenzi fuq it-taraġ tal-Qorti

L-Avukat li qed jiddefendi lill-Kaptan tal-Bastiment MV Lifeline, Claus-Peter Reisch, ġie mwissi mill-Maġistrat Joe Mifsud biex hu u l-klijent tiegħu ma jagħmlux aktar konferenzi fuq it-taraġ tal-Qorti.

Qabel l-aħħar seduti, inkluż dik tal-lum, Reish u anke membri tal-ekwipaġġ tiegħu, organizzaw protesti u konferenza qabel is-seduta.

Dalgħodu, tliet membri tal-ekwipaġġ, lebsin kostumi ta’ kliem, akkumpanjaw lill-kaptan biex jisħqu li l-klieb huma aktar stmati mill-immigranti.

Dan hekk kif din il-ġimgħa, kelba daħlet Malta mal-immigranti li ġew salvati mill-bastiment Aquarius. Ir-ritratt ta’ din il-kelma xxerred mill-Prim Ministru u l-ekwipaġġ saħaq li “kieku l-immigranti twieldu klieb x’aktarx li kienu jingħataw aktar attenzjoni.”

Dalgħodu, il-Maġistrat Mifsud qal lill-Avukat li l-każijiet jiġu deċiżi fl-awli tal-Qorti u mhux fuq il-midja.

Huwa qal li ma jaqbiulx lanqas ma’ rikors li ressqet id-difiża biex titlob lill-prosekuzzjoni biex tagħlaq l-evidenza tagħha.

Intant, il-każ għadu wieqaf hekk kif l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għadu qed jistenna informazjoni mill-awtoritajiet Olandiżi dwar il-bastiment u r-reġistrazzjoni tiegħu.

“Ħa nkun ċar. Mhux se nistenna eternità. Għandi data f’moħħi u se nżomm magħha,” insista l-Maġistrat. Waqt li ħeġġeġ lill-awtoritajiet Olandiżi biex iħaffu l-proċess insista li jinsab ċert li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jagħmel dak kollu possibbli biex isolvi l-każ malajr kemm jista’ jkun.

Il-każ ikompli fid-19 ta’ Novembru.

More in Qrati u Pulizija