George Degiorgio jisħaq li hu vittma ta' 'frame-up'

Degiorgio huwa wieħed mit-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

George Degiorgio, magħruf bħala ‘ċ-Ċiniż’ qed jisħaq li huwa vittma ta’ frame-up fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qed jakkuża lill-Pulizija li qed jippruvaw 'jgħawġu' evidenza biex jiġġustifikaw l-arrest tiegħu.

Degiorgio huwa wieħed mit-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

Minn dak li ħareġ sa issa mill-kumpilazzjoni ta’ evidenza, il-Pulizija qed jisħqu li Degiorgio, minn fuq dgħajsa ftit ‘il barra mill-Port il-Kbir, attiva l-bomba li qatlet lill-ġurnalista, wara li rċieva sinjal mingħand ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala ‘il-Fulu’ li kien qiegħed jara kollox mill-Bidnija.

Madanakollu, l-Avukat ta’ George Degiorgio, William Cuschieri, ressaq rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li fih qed jisħaq li l-klijent tiegħu qed jinkisirlu d-dritt għal smigħ xieraq għax il-Pulizija qed jagħmlu minn kollox biex jużaw ‘evidenza’ li mhux ċara biex jiġġustifikaw l-arrest tiegħu.

L-Avukat insista li minkejja li l-Prosekuzzjoni kienet uriet filmat tad-dgħajsa ‘Maia’ ħierġa u dieħla fil-Port il-Kbir, wieħed mill-uffiċjali li ressaq dan il-filmat qal li ma jistax ikun ‘moralment ċert’ li d-dgħajsa li tidher hija fil-fatt dik ta’ Degiorgio.

Il-Pulizija kienet talbet lill-Qorti biex taħtar esperti sabiex jidentifikaw il-bċejjeċ kollha tal-baħar li dakinhar tal-qtil, ħarġu jew daħlu fil-Port il-Kbir bejn is-2:30pm u t-3:30pm u jikkumparaw dawn il-filmati mar-ritratt tad-dgħajsa ‘Maia.’

“Huwa evidenti li l-Prosekuzzjoni ma kellix biżżejjed evidenza li Degiorgio kien fuq id-dgħajsa u lanqas ma kellha evidenza li ‘Maia’ hija fil-fatt id-dgħajsa li tidher fil-filmat.

L-Avukat insista li minkejja li l-Prosekuzzjoni talbet li jinħatru esperti, jibqa’ l-fatt li d-dgħajsa f’dan il-filmat ma tistax tingħaraf.

Kien hawn li saħaq li dan ma huwx xejn ħlief attentat ta’ frame-up fil-konfront ta’ Degiorgio.

More in Qrati u Pulizija