'Ħeqq, m'hemmx x'tagħmel' - Kliem Liam Debono meta qalulu li seta' qatel pulizija

Il-prosekuzzjoni tissottometti lista b'akkużi ġodda fosthom hit and run

"Paċenzja. Ma hemmx x'tagħmel." Dan kien kliem Liam Debono meta qalulu li b'dak li għamel seta' qatel Pulizija.

Debono, li għad għandu 17-il sena, qed ikun akkużat bl-attentat ta' qtil ta' Simon Schembri, apparti 46 akkuża oħra. Huwa baqa' għaddej u kaxkar tul it-triq, lill-kuntistabbli Schembri li waqqfu għax ma kienx liebes ċinturin tas-sigurtà.

Intant, dalgħodu, ġew sottomessi għad ta' akkużi oħra b'numru ta' tibdil, fosthom hit and run.

Minħabba l-fatt li l-proċeduri bdew mill-bidu, b'akkużi ġodda, l-Avukat Franco Debono qal li kien se jerġa' jitlob għall-ħelsien mill-arrest, iżda din it-talba ġiet miċħuda.

"Ma wera l-ebda rimors" - Jixhdu pulizija tar-RIU

Illum, il-Prosekuzzjoni tellgħet ammont ta' uffiċjali tal-pulizija li kienu involuti fl-arrest biex jagħtu x-xhieda tagħhom.

"Staqsejtu jekk kienx jaf li seta' qatlu," qal is-Surġent Christopher Debrincat. "Hu wieġeb, ħeqq, m'hemmx x'tagħmel."

Meta mistoqsi jekk kienx jaf li l-pulizija kien maqbud taħt il-karozza, l-akkużat qal li beda jserrep apposta biex jinqala'.

Luke Ciangura, kuntistabbli ieħor tar-Rapid Intervention Unit, qal li ż-żagħżugħ ma wera l-ebda rimors la fil-ħin li ġie arrestat u lanqas wara.

Franco Debono jistaqsi lil pulizija jekk heddidx lill-akkużat

Kien hawn li l-Avukat Franco Debono staqsa lil Ciangura jekk offendix lill-akkużat, jekk heddux li joqtlu u jekk intużax it-taser gun

Il-kuntistabbli ċaħad, bl-Ispettur Fabian Fleri jfakkar lill-Avukat li immedjatament wara l-arrest, l-akkużat kien eżaminat minn tabib u fuqu ma nstabu l-ebda marki ta' taser gun.

"Kellu l-għadam jidher"

Warajh kien imiss il-patoloġista Mario Scerri li ddeskriva l-ġrieħi li kellu Simon Schembri. Apparti l-ħruq, il-patoloġista qal li tant kemm dam jitkaxkar taħt il-karozza li l-ħwejjeġ tal-vittma kienu kważi spiċċaw u saħansitra kellu l-għadam jidher.

"Kieku ma kien hemm intervent immedjat kieku llum mejjet," qal it-tabib.

Il-każ ikompli għada fejn mistenni jixhed Simon Schembri.

More in Qrati u Pulizija