'Kienet qisha xena minn film tal-biża'' - Pulizija jirrakkonta dak li sab f'Ħal Luqa

  • L-akkużat kien jaf li Schembri kien maqbud taħt il-karozza u serrep biex jaqilgħu
  • Il-vittma mbeżaq minn taħt il-karozza wara li tkaxkar 400 metru.

Il-kuntistabbli Simon Schembri
Il-kuntistabbli Simon Schembri

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena akkużat li pprova joqtol lill-kuntistabbli Simon Schembri.

Illum taw ix-xhieda tagħhom it-tabib tal-emerġenza Michael Spiteri li spjega fil-Qorti l-ġrieħi gravi li ġarrab Schembri li għadu sal-lum rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei u anke għadd ta' uffiċjali tal-Pulizija.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat kien liebes ilbies protettiv li xtara hu stess, xi ħaġa li ma tantx niżlet tajjeb mal-Maġistrat Joe Mifsud.

“Il-Pulizija għandhom ikollhom uniformi li toffrilhom protezzjoni first class,” saħaq il-Maġistrat. “Għaddu dan il-messaġġ,” appella lill-pulizija li telgħu jixhdu.

'Mixħut għal tulu fl-art...ħafna demm'

Michael Schembri, li ilu għal dawn l-aħħar 20 sena jaħdem bħala tabib tal-emerġenza spjega kif malli wasal fuq il-post tal-inċident, Simon Schembri kien mitfugħ wiċċu mal-art, wiċċu 'l fuq, b'ħafna demm mifrux fit-triq.

Saħaq kif il-kuntistabbli kien tilef ħafna demm u ma setax jieħu nifs sewwa minħabba l-ġrieħi li ġarrab f’sidru.

Fost ħafna ġrieħi oħra, il-kuntistabbli ġarrab ġrieħi gravi fil-kustilji li ġeneralment iwasslu għall-mewt, kompla jispjega t-tabib waqt li ddeskriva l-ġrieħi bħala gravi ħafna.

“Jekk mhux l-agħar, żgur li fost l-agħar tliet każijiet li ltqajt magħhom f’20 sena karriera,” qal mit-tabib.

'Il-ġilda ta' idu kienet kważi spiċċat'

Kompla jispjega li idu l-leminija kellha tinqata’ barra minħabba l-ġrieħi gravi u l-ħruq li ġarrab il-vittma. “Il-ġilda kienet kważi spiċċat għal kollox,” saħaq it-tabib.

Rajt nies jibku għax tajru qattusa jew laqtu mera. Dan kien qisu għadu kemm ħa l-kolazzjon L-Ispettur Pierreguido Saliba

“Kieku ma ngħatax trattament immedjatament, kieku llum mejjet,” saħaq it-tabib.

'Qatlu Pulizija'...tifla li kienet fuq l-istage iċċempel lill-Pulizija

Xehed ukoll l-Ispettur Fabian Fleri li spjega kif l-akkużat kien inqabad isuq mingħajr liċenzja erbat ijiem qabel l-inċident.

Spjega kif kienet tifla li kienet fuq l-istage ta’ Tal-Linja li ċemplet lill-Pulizija u qaltilhom “qatlu uffiċjal.”

Jidher li l-akkużat twaqqaf għax ma kienx liebes is-seatbelt u spjega wkoll kif il-karozza kellha pjanċi ta’ vettura oħra li kienet skrepjata

Tkaxkar 400 metru u mbeżaq meta l-akkużat tilef il-kontroll

L-Ispettur spjega pass pass kif ġara l-inċident. Schembri waqqaf liż-żagħżugħ, iżda dan wara ftit tal-ħin qabad isuq, laqat lill-pulizija, ħabat mal-bonnet u wara 15-il metru żelaq għal taħt il-karozza.

Kompla jgħid kif tkaxkar għal 400 metru qabel mal-akkużat tilef il-kontroll u l-vittma “imbeżaq” minn taħt il-karozza. Kien hawn li l-karozza għaddiet minn fuqu.

L-akkużat jidher jirritorna, jieqaf ftit u jirriversja t-triq kollha

L-inċident inqabad fuq il-kameras tas-CCTV, spjega l-ispettur. F’dawn il-filmati, l-akkużat jidher jirritorna, jieqaf għal ftit, imbagħad jirriversja t-triq kollha.

Kien hawn li l-pulizija tar-RIU lemħu lill-akkużat u saqu warajh.

Ħabat ma ħajt, ħareġ mill-karozza u telaq jiġri

Trakk izerta kien qed jimblokka t-triq u l-akkużat pprova jdur fuq il-handbrake iżda ħabat ma’ ħajt.

Huwa ħareġ mill-karozza u beda jiġri sakemm inqabad mill-Pulizija.

X'instab fil-karozza?

Fil-karozza nstabu sikkina żgħira u crusher li tintuża fil-preparazzjoni tal-kannabis.

L-akkużat qal lill-Pulizija li kien xtara l-pjanċi għal €10 mingħand xi ħadd li kien seraqhom.

L-akkużat ma juri l-ebda rimors...kien jaf li Schembri kien taħt il-karozza

L-Ispettur Pierreguido Saliba spjega kif l-akkużat kien jaf li Simon Schembri kien maqbud taħt il-karozza u beda jserrep apposta biex jaqilgħu.

Minkejja dan saħaq li għall-akkużat kien qisu ma ġara xejn.

"Rajt nies jibku għax tajru qattusa jew laqtu mera. Dan kien qisu għadu kemm ħa l-kolazzjon," qal l-Ispettur.

"Xena minn film tal-biża'"

Is-Surġent tal-Pulizija Jonathan Bordieri wkoll iddeskriva dak li ra malli wasal fuq il-post tal-inċident u spjega kif il-vittma kien konxju u minkejja l-uġigħ irnexxielu jkellmu.

Kuntistabbli ieħor li kien preżenti kważi nfaqa’ jibki meta beda jirrakonta dak li ra quddiem għajnejh. Saħaq li mhux faċli tara kollega tiegħek f’dik il-kundizzjoni u qal li beda jipprova jkellmu bil-għan li ma jintilfx minn sensih.

Għandi raġel li qed jissieled għal ħajtu fl-isptar. Araw li jingħata l-għajnuna kollha Il-Maġistrat Joe Mifsud

Il-kuntistabbli Etienne Farrugia ddeskriva dak li ra bħala “xena minn film tal-biża’.”

“Rajtu mal-art,” qal il-kuntistabbli. “Rajt l-għadma,” kompla jirrakkonta meta beda jiddeskrivi l-ġrieħi f’id il-kollega tiegħu. “Ħsibt li miet.”

Il-Maġistrat jappella biex Schembri jingħata kull ma għandu bżonn

Fi tmiem is-smigħ, il-Maġistrat appella biex li Simon Schembri jingħata dak kollu li għandu bżonn.

"Għandi raġel li qed jissieled għal ħajtu fl-isptar. Araw li jingħata l-għajnuna kollha. Irrid li l-Pulizija jkunu siguri waqt il-qadi ta' dmirhom u ma jibżgħu minn ħadd."

Intant, l-Avukat Franco Debono talab li jkun appuntat uffiċjal tal-probation biex jassisti lill-akkużat, anke jekk qed jinżamm il-ħabs.

Il-Qorti laqgħet din it-talba.

More in Qrati u Pulizija