Iffriżati l-assi ta' tlett irġiel akkużati bi traffikar tad-droga u ħasil ta' flus

Wieħed mill-irġiel huwa impjegat mal-Ambaxxata Libjana u ġie deskritt mid-difiża bħala bniedem tal-affari tiegħu

Il-Qorti ffriżat l-assi ta’ tlett irġiel wara li fil-karozza li kienu fiha l-Pulizija sabet ‘il fuq minn kilogramma kokaina u €63,000 fi flus kontanti.

L-irġiel, wieħed minnhom Malti u li l-età tagħhom tvarja bejn il-25 u t-32 sena, tressqu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, akkużati bi traffikar u pussess ta’ droga u anke ħasil ta’ flus.

L-Ispettur Justine Grech spjegat kif il-Pulizija kienet infurmata bit-tlett irġiel u rnexxielha titraċċa l-karozza li kienu fiha. Iż-żewġ persuni Libjani kienu fuq quddiem, u l-Malti fuq wara. Fil-karozza nstab baskett li kellu 1.5 kilogramma kokaina u €63,000 fi flus kontanti.

Il-karozza kienet ta’ mart wieħed mill-akkużati u ntqal kif wieħed mill-irġiel huwa impjegat mal-Ambaxxata Libjana f’Malta u ġie deskritt mid-Difiża bħala ‘bniedem tal-affari tiegħu.’

Intant, it-tliet Avukati tad-Difiża insistew għall-ħelsien mill-arrest.

Fost l-oħrajn, l-Avukat Franco Debono saħaq li s-serjetà tar-reati għandhom jittieħdu fil-kuntest tax-xejriet attwali.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest. Apparti depożiti u garanzija personali, it-tlett irġiel ġew ordnati jsegwu curfew u jiffirmaw kuljum fl-Għassa.

More in Qrati u Pulizija