Tlieta jinżammu arrestati wara kummenti li kitbu dwar l-inċident li ħalla pulizija jissielet għal ħajtu

It-tliet persuni tressqu l-Qorti akkużati fost oħrajn b’użu ħażin tal-mezzi ta’ kommunikazzjoni 

Tliet persuni nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati b’użu ħażin tal-mezzi ta’ kommunikazzjoni wara kummenti li kitbu fuq Facebook u li fihom “urew sodisfazzjon,” wara l-inċident li ħalla lill-Kuntistabbli Simon Schembri jiġġieled għal ħajtu.

It-tliet żgħażagħ, żewġt irġiel u tfajla, kienu qed jikkumentaw għal artiklu dwar l-inċident li fih żagħżugħ ta’ 17-il sena saq u kaxkar lill-kuntistabbli Simon Schembri meta waqqfu biex jitolbu d-dokumenti tas-sewqan.

It-tlieta li huma kienu akkużati wkoll li inċitaw u ħeġġew persuni oħra biex iwettqu reat kriminali.

Il-prosekuzzjoni ma qablitx li l-akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li Facebook jista’ jkun aċċessat minn kullimkien u l-messaġġi jistgħu jitħassru.

L-Ispettur John Spiteri saħaq ukoll li l-akkużati ma kinux qed jikkoperaw mal-investigazzjoni u saħaq li ma jistax ikun li jkun hawn persuni li minn wara l-kwinti jħeġġu persuni oħra għall-kriminalità

Wieħed mill-Avukati tad-Difiża saħaq li l-kummenti kienu qed iwaqqgħu għaċ-ċajt l-inċident u mhux iħeġġu għall-vjolenza.

Min-naħa tagħha, il-Qorti saħqet li se tiddeċiedi fuq l-evidenza li tkun ippreżentata lilha u mhux fuq dak li nkiteb fuq siti tal-aħbarijiet, fil-gazzetti jew x’intqal fit-triq.

Minkejja dan, il-Maġistrat saħaq li l-Qorti xebgħet twissi lin-nies u tiġbed l-attenzjoni dwar in-nuqqas ta’ edukazzjoni li teżisti fuq l-użu tal-midja soċjali.

“Anke persuni li għandhom responsabbilità qed itellgħu kummenti mingħajr ma jaħsbu u mingħajr ma jikkunsidraw ir-responsabbilità tagħhom,” saħaq il-Maġistrat. “Il-Qorti wkoll spiċċat insultata fuq is-siti u l-midja soċjali.”

Il-Maġistrat kellu kliem iebes ukoll għal dawk li jinfexxu “f’attakki bla bażi” fuq dawk li jżommu l-ordni fil-pajjiż.

Għalhekk saħaq li l-Qorti trid tibgħat messaġġ ċar lis-soċjetà li l-forzi tal-ordni għandhom ikunu protetti u ħadd ma għandu dritt iwaqqagħhom għaċ-ċajt jew jinċita l-vjolenza kontrihom.

“Jekk ma jingħatawx Ġieħ ir-Repubblika, almenu ma jkun hemm ħadd li jinċita kontrihom,’ saħaq il-Maġistrat.

Kien għalhekk li ordna li t-tlieta li huma jinżammu arrestati.

More in Qrati u Pulizija