Qorti | B'helmet f'rasu jisraq żewġt iħwienet f'jumejn

Ir-raġel wieġeb ħati u ngħata sentenza ta' sentejn ħabs

Raġel ta’ 52 sena ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs wara li seraq żewġ ħwienet f’jumejn.

Alexander Scicluna, mir-Rabat tressaq quddiem il-Maġistrat Monica Vella akkużat li lbieraħ seraq minn ħanut f’Ħaż-Żebbuġ.

Ir-raġel, li ma jaħdimx, kien akkużat ukoll li seraq ħanut fir-Rabat ġurnata qabel u li kiser l-ordni tal-probation.

Il-Pulizija kienet infurmata bis-serqa għall-ħabta ta’ nofsinhar u malli waslu qalulhom li raġel liebes helmet daħal fil-ħanut, talab il-flus lill-kaxxier u ħarab b’kollox.

Kienu persuni li nzertaw fil-viċin li qabdu lir-raġel u żammewh sakemm waslu l-Pulizija.

Ir-raġel minnufih radd lura l-€1,000 li seraq.

Il-każ tas-Sibt kien simili. Huwa seraq minn ħanut tal-istess kumpanija, liebes l-istess ħwejjeġ. Dakinhar seraq biss €50.

L-ebda arma ma ntużat waqt iż-żewġ serqiet.

L-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi kollha.

Il-Qorti ordnat lill-uffiċjali tal-ħabs biex jgħinuh jegħleb il-vizzju tad-droga.

More in Qrati u Pulizija