Tawh xebgħa wara li serqilhom mowbajl

L-akkużat tela' l-Qorti bil-ħwejjeġ imqatta' u bid-demm

Żewġt irġiel ingħataw il-libertà kkundizzjonata wara li tressqu l-Qorti akkużati li kkawżaw ġrieħi ħfief fuq raġel ieħor li serqilhom mowbajl. Ir-raġel li seraq, inżamm arrestat u tela’ l-Qorti bil-ħwejjeġ imqatta’ u mimlija demm.

L-irġiel, it-tlieta li huma mis-Somalja, ġew arrestati wara l-inċident li seħħ f’Paceville fis-2:30am ta’ dalgħodu.

Fil-Qorti nstema’ kif għall-ewwel ġew arrestati ż-żewġt irġiel li taw ix-xebgħa iżda aktar wara rriżulta li huma għamlu dan għax ġew misruqa.

It-tnejn li huma wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Kien għalhekk li ngħataw il-libertà kkundizzjonata għal sitt xhur.

Fi smigħ separat, ir-raġel l-ieħor kien akkużat b’serq, li kien fis-sakra fil-pubbliku u li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur li mexxa l-prosekuzzjoni qal li r-raġel imissu ilu l-ħabs għalkemm l-Avukat tiegħu qal li kienu ż-żewġt irġiel oħra li attakkawh u serqulu l-mowbajl u li seta’ juri lill-Pulizija fejn kien moħbi.

Iżda l-Ispettur ċaħad din l-istorja. Saħaq li normalment, meta xi ħadd jinsteraq f’San Ġiljan, isir rapport fi żmien siegħa jew sagħtejn. Insista li sa issa l-akkużat għadu ma rrappurtax li ġie misruq.

“Jekk dwar is-serqa huwa innoċenti, xorta waħda kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu għax kien barra meta mhux suppost,” qal l-Ispettur.

Kien għalhekk li l-Qorti għażlet li żżommu arrestat.

More in Qrati u Pulizija