Diretturi ta' lukanda ordnati jħallsu s-salarju ta' eksimpjegat

Dan wara li ddeċidew li ma jħallsuhx għax allegatament għamillhom reputazzjoni ħażina 

Żewġ diretturi ta’ lukanda f’Għawdex ġew immultati €1,000 kull wieħed ordnati jħallsu aktar minn €3,000 f’kumpens lil eksimpjegat, wara li ddeċidew li ma jagħtux il-paga u l-bonus sakemm jagħmel apoloġija wara li allegatament għamillhom reputazzjoni ħażina.

Fil-Qorti ma sarx magħruf eżattament f’hix tikkonsisti din l-allegazzjoni li saret miż-żewġ diretturi, iżda l-Qorti nnutat li dan mhux l-uniku każ fejn id-diretturi naqsu milli jħallsu lill-impjegati tagħhom.

Il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li fis-soċjetà tagħna mhux aċċettat li jsir sfruttament tal-impjegati filwaqt li ssuġġerixxa li l-awtoritajiet għandhom javżaw lil min qed ifittex ix-xogħol dwar dawn il-kumpaniji.

Fil-Qorti ntqal li min iħaddem għandu obbligazzjoni li jħallas is-salarji lill-impjegati u dawn ma jistgħux jintrabtu ma xi kundizzjoni jew xenarju partikolari u lanqas ma jista’ jkun xi tnaqqis fil-ħlasijiet.

Intqal ukoll li kien hemm passi legali oħra li setgħu ttieħdu biex isibu soluzzjoni għad-differenzi ta’ bejniethom.

More in Qrati u Pulizija