Jinżamm arrestat wara li kkaġuna feriti gravi lil kuntistabbli

Il-każ seħħ il-Ġimgħa filgħodu fi Triq Hompesch fil-Fgura meta l-akkużat beda jhedded lin-nies

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Raġel mill-Mali nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention meta ħebb għalih u żlugalu spalltu.

Huwa kien mixli wkoll li rreżista l-arrest, ma obdiex l-ordnijiet mogħtija lilu, kiser il-paċi pubblika u li tkellem baxx waqt l-arrest.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa filgħodu fi Triq Hompesch fil-Fgura meta l-akkużat beda jhedded lin-nies u l-Pulizija kellhom jużaw taser gun biex iwaqqfuh. Allegatament l-akkużat beda jgħajjat Allahu Akbar. 

Fl-awla tal-Qorti, ir-raġel ma weġibx għal ħafna mill-mistoqsijiet li sarulu.

Saret talba biex il-Qorti tordna li jsiru eżamijiet mediċi psikjatriċi lir-raġel iżda l-prosekuzzjoni argumentat ukoll li l-akkużat kien diġà rrifjuta li jinvistah tabib.

Il-Qorti laqgħet din it-talba tal-psikjatra, ordnat ukoll li jinżamm arrestat f’Monte Karmeli hekk kif ma approvatx il-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija