'vojt, vojt, vojt'... imbagħad daqshekk

Xhud fil-każ tal-qtil ta' Roderick Grech jikkomferma l-aħħar kelmiet tal-vittma; isem il-qattiel tiegħu, 'il-vojt'

Żagħżugħ minn Birkirkara spjega fil-Qorti tal-Maġistrati kif il-vittma fil-qtil li seħħ f’Birkirkara beda jgħid ripetutament il-kelma “vojt” ftit qabel miet.

Jean Pierre Pace kien qed jixhed fil-kawża ta’ Etienne Bartolo, ir-raġel ta’ 36 sena minn Birkirkara magħruf bil-laqam bħala “il-Vojt” li jinsab mixli bil-qtil ta’ Roderick Grech, Naxxari ta’ 26 sena magħruf bħala ċ-“China”.

Il-vittma, Roderick Grech (xellug) u l-akkużat, Etienne Bartolo,
Il-vittma, Roderick Grech (xellug) u l-akkużat, Etienne Bartolo, "il-vojt" (lemin)

Grech instab mal-art f’Birkirkara fid-29 ta’ Marzu li għadda u miet jumejn wara fl-Isptar Mater Dei kawża tal-ġrieħi li sofra b’daqqiet ta’ sikkina.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Pace qal li għall-ħabta tas-1.00 ta' filgħodu. huwa kien miexi lura d-dar wara li ħareġ mat-tfajla u ra żagħżugħ jixxengel fit-triq qabel ma dan waqa’ mal-art.

Huwa mar jgħinu u nduna li kien Grech, li beda jitolbu biex iċempel għall-ambulanza u beda jgħidlu li jħobb lil missieru u lil ommu.

Pace spjega kif Grech għal tliet darbiet wara xulxin qal il-kelma “vojt” għalkemm għalih dan ma bedix jagħmel sens.

Ix-xhud qal li beda jbus lil Grech fuq moħħu u jgħannqu miegħu sakemm ġie żagħużugħ jgħinu u mbagħad ġiet l-ambulanza.

Xhud ieħor, Kristo Sanjic, irrakkonta kif huwa kien qiegħed iwassal kollega tax-xogħol li ma jsuqx, meta x’ħin kien għaddej ra żewġ persuni, wieħed mal-art u ieħor jgħinu, fejn qal li ħaseb li tal-ewwel kien fis-sakra.

Madankollu meta għadda minn ħdejhom bil-karozza dak li kien qed jgħinu talbu jassistih u x’ħin induna li dak li kien mal-art kellu d-demm ġab baskett tal-karti mill-karozza u beda jagħfsu fuq sidru biex jipprova jżomm id-demm milli joħroġ.

Moira Cortis, Pulizija li dak il-ħin ma kinietx xogħol, xehdet kif semgħet bħal brejk ħdejn id-dar imbagħad ħorn u għajjat.

Hija rrakkuntat kif rat raġel nieżel iżomm żaqqu sakemm daħal fi blokk ta’ appartamenti jgħajjat “Gejtu”. Cortis qalet li ċemplet il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mbagħad għall-ambulanza.

Xhud ieħor kien Gaetano Bonnici li semma kif f’dik l-għodwa kien rieqed u ġie jħabbatu pulizija.

Huwa spjega kif x’ħin ħareġ mill-appartament ra l-bieb imċappas bid-demm u anke mal-poġġamant ra d-dmija.

Il-każ ikompli.

Waqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra, Bartolo għandu jiddefendih lill-Avukat Edward Gatt. L-Avukati Franco Debono, Yanika Vidal u Angie Muscat qed jidhru ‘parte civile’ f’isem il-familja tal-vittma.

More in Qrati u Pulizija