Ħabs għal Libjan li nqabad jisraq TV minn lukanda

Refuġjat Libjan ingħata 13 –il xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq sett tat-TV minn lukanda f’Paceville

Ritratt : Arkivji
Ritratt : Arkivji

Refuġjat Libjan ta’ 24 sena, ingħata 13-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq Televiżjoni minn kamra ta’ luknada f’Paceville

Dalgħodu fil-Qorti, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata mill-Ispettur Trevor Micallef, kif Hashim El Amir, refuġjat Libjan ta’ 24 sena ta lilu nnifsu l-Pulizija wara li tpoġġa fuq il-lista tan-nies imfittxija.

El Amir, li qal lill-Qorti li joqgħod Paceville, kien akkużat bis-serq ta’ sett tat-TV u b’attentat ta’ serq ta’ sett ieħor minn kmamar fil-lukanda St. George's Park Hotel.

L-akkużat, li fil-passar diġà kien tressaq il-Qorti fuq pussess ta’ kannabis, ammetta l-akkużi miġjubin kontrih. Lura fl-2015, El Amir kien għamel 18 –il xahar ħabs wara li nstab ħati ta’ pussess u traffikar ta’ ecstacy, kannabis u kokaina.

L-avukat difensur ta’ El Amir, Noel Bartolo talab lill-Qorti biex il-klient tiegħu jingħata piena minima minħabba l-fatt li huwa ta lilu nnifsu lill-Pulizija u kkopera magħhom.

Il-Qorti ordnat piena ta’ 13-il xahar għal El Amir, il-minimu għal reat tat-tip li għamel l-akkużat.

More in Qrati u Pulizija