'Tuna rimedju talli qbiżtuna'

28 uffiċjal tal-Pulizija jgħidu li nqabżu inġustament għal promozzjoni u għalhekk, ressqu protest ġudizzjarju

ritratt: Arkivji
ritratt: Arkivji

28 uffiċjal tal-Pulizija ressqu protest ġudizzjarju iktar kmieni llum, u fih qed isostnu li ġew maqbuża inġustament għal promozzjoni, minn proċess ta' selezzjoni li l-Kummissarju kien apparentament irrikonoxxa li kien 'difettuż'.

Il-protest ġie mressaq kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Bord tal-Appelli tal-Pulizija, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dawn l-uffiċjali qed jallegaw li wara li 13-il kandidat ġie promoss għal Surġent Maġġur fis-sejħa tal-2013, it-tieni grupp ta' 8 kandidati li kienu ħadu sehem fl-istess proċess, ġew promossi fl-2016.

Allegaw kif il-kandidati kollha kienu ġew intervistati iżda r-riżultati ma kinux ġew ippubblikati.

Il-protest ġudizzjarju jallega li l-promozzjonijiet l-oħra li ġew iktar tard kienu ġew ordnati mill-Kummissarju sabiex ikunu msewwija l-inġustizzji li dawn it-8 kienu sofrew riżultat ta' metodu ta' selezzjoni "mhux trasparenti u inġust" lura fl-2013.

"Minkejja dan, ir-rimedju li ġie offrut mill-Kummissarju kien offrut b'mod selettiv u diskriminatorju, li wassal biex dawn l-uffiċjali jkunu fl-istess pożizzjoni," ta' dawk it-8 uffiċjali li ġew promossi, bid-differenza li dawn ma ġewx offruti rimedju, jkompli jgħid il-protest. Fil-fatt, temm jgħid sabiex dawk l-entitajiet li tressaq il-protest kontrihom, għandhom jirrimedjaw is-sitwazzjoni jew inkella jaffaċjaw azzjoni legali.

More in Qrati u Pulizija