'It-tisbit fuq il-karozza, il-bżieq u l-uċuh irrabbjati mhux se jtappnu r-rieda tal-Gvern' - Bonnici

Il-Ministru Owen Bonnici jirreaġixxi wara li lbieraħ inqabad fil-karozza f'nofs folla rrabbjata li daħlet tipprotesta kontra l-korruzzjoni fil-Belt

Il-Ministru Bonnici maqbud fil-karozza biswit il-Parlament
Il-Ministru Bonnici maqbud fil-karozza biswit il-Parlament

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici kiteb fuq Facebook biex jirreaġixxi għal dak li seħħ ilbieraħ fil-Belt Valletta u saħaq li ‘t-tisbit fuq partijiet tal-karozza, l-imblukkar bil-forza, ix-xuttijiet bis-sieq u l-grif fuq il-vettura, id-daqqiet bil-ponnijiet fuq il-ħġieġ bil-għan li jitkissru, il-bżieq, il-kliem u l-mossi ħżiena, il-ġiri warajna, l-uċuh kollhom rabja u t-theddid” mhumiex se jtappnu r-rieda tal-Gvern biex jaħseb.

Bonnici kiteb dan wara li lbieraħ, il-karozza tiegħu, bih fiha u anke s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia, spiċċat imblukkata quddiem il-Parlament minn folla numeruża li nġabret biex tipprotesta kontra l-Gvern u ssejjaħ għar-riżenji tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li bagħtulu messaġġ ta’ appoġġ, insista li se jkompli jaħdem flimkien mal-Gvern u jibqa’ ffukat b’serenità u kalma.

“Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħmel xogħol straordinarju u qed juri leadership impekkabbli. L-istituzzjonijiet qed jaħdmu u qed jintwera bil-fatti kif f'pajjiżna m'hawnx impunità. Il-liġi qiegħda hemm għal kulħadd,” kiteb Bonnici.

Insista li hu jinsab wara l-Prim Ministru.

Irringrazzja lill-membri tal-Kort tal-Pulizija partikolarment lill-Ispettur u lill-Kuntistabbli li ġarrbu xi ġrieħi ħfief fil-kommossjoni. L-Ispettur weġġgħet meta x-xufier tal-Ministru pprova jsuq u għadda minn fuq sieqha.

“Minn dalgħodu se tkompli l-ħidma, b'serenità u b'impenn iktar minn qatt qabel. Malta f'qalbna,” kiteb il-Ministru.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Farrugia kiteb ukoll jisħaq li "t-theddid, t-tgħajjir, it-tisbit u d-daqqiet ta sieq mal-karozza, il-bżieq lejna, huma lkoll kundannabbli iktar u iktar meta fost il-folla u mal-karozza kien hemm membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista."

Huwa saħaq li n-nies għandha kull dritt tipprotesta, saħaq li għall-vjolenza, il-Gvern se jwieġeb b'aktar ħidma.

Aqra wkoll dak li seħħ ilbieraħ:

More in Politika