L-AĠ jisħaq li r-rapport Egrant ingħata lill-Prim Ministru u mhux lill-Partit Laburista

Id-deċiżjoni dwar l-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni se tingħata fis-16 ta' Diċembru

L-Avukat Ġenerali Peter Grech saħaq li r-rapport tal-inkjesta Egrant ma ngħatax lill-Partit Laburista iżda lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Grech kien qed jitkellem fl-appell li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni bil-għan li jkun ippubblikat ir-rapport sħiħ tal-inkjesta. 

Id-deċiżjoni finali dwar dan mistennija tittieħed fis-16 ta’ Diċembru.

L-appell kompla quddiem il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul.

L-avukati taż-żewġ naħat ressqu s-sottomissjonijiet tagħhom dalgħodu.

L-Avukat Ġenerali fakkar li l-konklużjonijiet kienu ppubblikati, iżda minħabba natura delikata tal-inkjesta, ittieħdet id-deċiżjoni li r-rapport sħiħ jingħata lill-Prim Ministru Muscat. 

Madanakollu, kompla jisħaq Grech, dan bl-ebda mod ma jfisser li hemm xi obbligazzjoni li r-rapport sħiħ jitpoġġa onlajn.

“Mhux il-każ li d-dokument ingħata lill-Partit Laburista. Id-dokument ingħata lill-Prim Ministru. Il-partiti mhux involuti f’dan il-każ,” insista Grech.

Min-naħa tiegħu, Vince Galea, li qed jippreżenta lil Delia, saħaq li nhar il-Ġimgħa, il-Gvern fuq parir tal-Avukat Ġenerali, ħareġ stqarrija bit-termini ta’ referenza ta’ inkjesta pubblika oħra u li jaqbel li partijiet minnha jkunu mgħottija.

“F’dan il-każ, ma għamilx hekk,” insista Galea.

Kompla jisħaq li l-Avukat Ġenerali l-ewwel qal li l-pubblikazzjoni kienet fl-interess pubbliku iżda fl-istess ħin ma jridx jagħti kopja lill-pubbliku u lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

“Jekk l-Avukat Ġenerali jgħaddi l-inkjesta lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jużaha politikament iżda imbagħad tingħata lill-uffiċjali tal-Partit Laburista qiesu xejn mhu xejn. Għandha tingħata lil kulħadd,” insista l-Avukat Galea.

'Delia jisħaq li d-dikjarazzjoni tal-Avukat Ġenerali hija surreali'

Min-naħa tiegħu, f'kummenti lill-midja quddiem il-Qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddeskriva l-argumenti tal-Avukat Ġenerali bħala surreali.

"Ħarġu ċari fil-provi li ngħata lill-Prim Ministru, lill-Avukat tiegħu, lill-Ministru Bonnici, lil Kurt Farrugia, tliet ministri oħra u hemm sensiela ta' persuni li għandhom dan ir-rapport," insista Delia waqt li tenna li dan qed iwassal biex ir-rapport jintuża b'mod politiku.

Delia saħaq li l-Avukat Ġenerali mhux jifhem, jew qed jagħti impressjoni li mhux jifhem, li Muscat mhux qed juża dan ir-rapport bħala ċittadin privat iżda fil-kapaċità tiegħu ta' Prim Ministru u mexxej ta' partit politiku.

"Illum iddikjara li d-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni jitwieled biss jekk hu għandu l-pjaċir bħala Avukat Ġenerali. Iqiegħed lilu nnifsu ogħla mill-istituzzjonijiet kollha," insista Delia. "Ma jistax ikun li f'pajjiż demokratiku, l-Avukat Ġenerali li huwa wkoll l-avukat tal-Gvern, għandu l-faċilità li dokumentazzjoni li hija ta' interess pubbliku jagħtiha lil parti u mhux lil oħra."

Temm jisħaq li jittama li fis-16 ta' Diċembru, dan ir-rapport jingħata lill-Kap tal-Oppożizzjoni, lill-Oppożizzjoni u allura, eventwalment lill-pubbliku.

Aqra aktar:

More in Politika