Egrant | 'Qatt ma qrajt ir-rapport...dejjem imxejt mal-konklużjonijiet'

Dalgħodu kompliet il-Kawża Kostituzzjonali miftuħa minn Adrian Delia kontra l-Avukat Ġenerali bil-għan li jingħata kopja sħiħa tar-rapport dwar l-inkjesta Egrant

Il-Kelliem tal-Prim Ministru Kurt Farrugia
Il-Kelliem tal-Prim Ministru Kurt Farrugia

Dalgħodu kompliet tinstema’ l-Kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra l-Avukat Ġenerali bil-għan li jingħata kopja sħiħa tar-rapport dwar l-inkjesta Egrant.

Dalgħodu xehed il-Kelliem tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia li wkoll għandu kopja tal-inkjesta sħiħa.

Għal mistoqsijiet ta’ Vincent Galea, l-Avukat li qed jidher għal Delia, Farrugia qal li dakinhar li ħareġ ir-rapport tal-inkjesta, ġabar kopja personalment mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Huwa saħaq li l-konklużjonijiet kienu tant dettaljati li ma kienx hemm għalfejn jidħol f’aktar dettall biex jgħin lill-Prim Ministru jlesti għad-diskors.

Fil-fatt, insista li hu qatt ma qara l-inkjesta sħiħa. “Dejjem imxejt mal-konklużjonijiet,” saħaq Farrugia.

'Ir-rapport tal-inkjesta nżommu msakkar...ħadd aktar ma rah'

Galea staqsa lil Farrugia jekk kienx hemm Ministri jew inkella ċ-Chief of Staff Keith Schembri li staqsewh xi ħaġa dwar l-inkjesta, iżda hu dlonk wieġeb le u insista li qatt ma kellu għalfejn jiddiskuti l-kontenut tal-inkjesta.

Mistoqsi jekk jitkellmux dwar l-inkjesta, b’mod partikolari ma’ Matthew Carbone, li jaħdem ukoll fl-Uffiċċju Kommunikazzjoni f’Kastilja, Kurt Farrugia insista li hu jżomm il-kopja tal-inkjesta msakkra u ħadd aktar ma qraha.

“L-inkjesta dwar Egrant ħolqot ħafna ansjetà…il-futur tagħna kien jiddependi minnha. Ovvjament tkellimna dwarha,” kompla Farrugia.

Kien hawn li Galea staqsa lil Farrugia jekk iddiskutix il-partijiet mhux ippubblikati tal-inkjesta mal-Prim Ministru. Huwa wieġeb fil-pożittiv u aktar tard kompla jwieġeb li dwar dawn il-partijiet tkellem ukoll mal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u anke ma' xi avukati.

L-Avukat ta’ Delia baqa’ jgħafsu u jistaqsih x’tip ta’ kommunikazzjoni jkollu mal-Prim Ministru dwar l-inkjesta Egrant iżda Farrugia insista li “hu mhux awtorizzat biex iwieġeb din il-mistoqsija.”

Madanakollu huwa ċaħad meta l-Avukat staqsih jekk ikunx hemm aktar persuni preżenti meta hu u l-Prim Ministru jkunu qed jiddiskutu l-inkjesta flimkien.

Il-każ ikompli fl-10 ta’ Diċembru.

'Sitwazzjoni surreali'

Intant, f'kummenti lil midja quddiem il-Qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li huwa "surreali kif il-magna tal-kommunikazzjoni tal-Gvern għandha informazzjoni li l-Oppożizzjoni ma għandhiex'

"Illum għandna l-konferma li min hu mħallas minn flus il-poplu biex iwassal il-messaġġ politiku tal-Gvern għandu informazzjoni li qed jużaha u li l-Oppożizzjoni ma għandhiex. Żbilanċ politiku akbar minn dan ma jeżistix," insista Delia.

Il-Partit Laburista jwieġeb...

Fi stqarrija, il-Partit Laburista insista li l-uniku ħaġa surreali kien il-kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni quddiem il-Qorti.

"Argument żbaljat mill-bidu sal-aħħar għax Delia nnifsu kien ammetta li l-konklużjonijiet tant kienu ċari li fuqhom ried ikeċċi lil Simon Busuttil, sakemm l-eks Kap spiċċa rebaħlu," saħaq il-Partit Laburista.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-ikbar żbilanċ politiku sofrewh il-Prim Ministru u familtu.

More in Politika