Apparti l-Kummissarju, erba' uffiċjali tal-Korp għandhom kopja tar-rapport Egrant

Il-Kummissarju jisħaq li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar Egrant

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, qal li kopja tal-inkjesta Egrant tinsab għandu, għand l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla u t-tliet spetturi li qed jinvestigaw il-każ.

Lawrence Cutajar qal dan waqt li llum kompla jinstema’ l-każ kostituzzjonali miftuħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra l-Avukat Ġenerali li rrifjuta li jagħtih kopja tal-inkjesta sħiħa.

Il-Kummissarju insista li l-kopja tinsab għand dawn l-uffiċjali hekk kif il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar punti li ħarġu mill-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

Cutajar ikkonferma li rċieva r-rapport sħiħ mingħand l-Avukat Ġenerali, kif normalment jiġri kull meta tintemm inkjesta Maġisterjali.

Kompla jispjega kif meta inkjesta tkun konkluża, il-Maġistrat jista’ jitlob lill-Pulizija biex jieħu passi kontra ċerti persuni partikolari jew inkella biex tkompli tinvestiga.

L-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja ma sabet ebda konnessjoni bejn il-kumpanija fil-Panama Egrant u Michelle Muscat u li dikjarazzjonijiet fir-rigward ta' Egrant, li kienu qed jiġu ppreżentati bħala prova, kien fihom firem foloz.

'Ma kontx naf li Owen Bonnici kellu kopja tal-inkjesta' 

Aktar tard, xehed ukoll id-Deputat Kap tal-Kommunikazzjoni f'Kastilja, Matthew Carbone li insista li hu qatt ma ra r-rapport tal-inkjesta u kien involut biss biex ikun ifformulat il-messaġġ tal-Gvern fuq il-midja soċjali.

Mistoqsi dwar ir-ritratt li ttella' fuq il-midja soċjali, li juri r-rapport sħiħ, Carbone qal li r-ritratt ma ttellax fuq il-midja soċjali tal-Gvern u ma setax jiftakar minn ippubblika r-ritratt fuq Twitter.

L-Avukat ta' Adrian Delia, Vince Galea, beda jistaqsih fuq min tkellem dwar ir-rapport, waqt li Carbone insista li hu tkellem biss dwar il-konklużjonijiet.

Mistoqsi jekk tkellimx ma' Keith Schembri, Matthew Carbone wieġeb fil-pożittiv. "Wara kwarta kulħadd kien qed jitkellem fuqha. Il-konklużjonijiet kienu ċari."

Insista li ma' Keith Schembri tkellem biss dwar il-fabrikazzjoni tad-dokumenti u mhux dwar dawk il-partijiet li jitkellmu dwaru.

"Allura tkellimt ma' persuna msemmija fil-konklużjonijiet dwar kollox ħlief il-partijiet li jitkellmlu dwaru?" staqsa Galea b'xettiċiżmnu.

Carbone ċaħad li tkellem ma' John Dalli u Konrad Mizzi dwar il-konklużjonijiet iżda ikkonferma li tkellem mal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

"Kont taf li l-Ministru għall-Ġustizzja kien qed jassisti lill-Prim Ministru dwar Egrant?" staqsa Galea. "Le mhux konxju dwar dan," insista Carbone waqt li qal li sar jaf minn fuq il-midja li l-Ministru għall-Ġustizzja kellu kopja tal-inkjesta.

Il-każ ikompli f'Jannar.

"Issa ċerti li r-rapport ta' Egrant qed jintuża mill-Gvern għal skopijiet politiċi"

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li wara s-smigħ tal-lum jinsab ċert li r-rapport sħiħ tal-Maġistrat Aaron Bugeja qed jintuża mill-Gvern għal skopijiet politiċi.

"Għalhekk kibret l-urġenza li l-Oppożizzjoni tingħata kopja sħiħa tal-inkjesta biex jispiċċa dan l-iżbilanċ politiku," insista Delia.

Huwa temm jisħaq li l-Oppożizzjoni mhux se tibqa' siekta u se tagħmel minn kollox biex dan "l-iżbilanċ politiċi" jintemm minnufih.

"Din hija ġlieda għall-ħarsien tas-saltna tad-dritt u l-Oppożizzjoni mhi se tħalli lil ħadd milli jżomm informazzjoni mistura mingħand in-nies li qed jistennew il-verità kollha."

More in Qrati u Pulizija