'Qed tistaqsu l-mistoqsijiet lili meta jiena u marti l-vittmi'

Muscat jixhed fil-każ li fetaħ Delia biex jingħata r-rapport Egrant

Il-PM Joseph Muscat jħabbar l-arrest ta' tmienja minn nies f'konnessjoni mal-qtil ta' DCG
Il-PM Joseph Muscat jħabbar l-arrest ta' tmienja minn nies f'konnessjoni mal-qtil ta' DCG

"Qed tistaqsu l-mistoqsijiet lili meta jiena u marti l-vittmi." Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat hekk kif dalgħodu xehed fil-proċeduri Kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra l-Avukat Ġenerali Peter Grech li ma tahx kopja tal-inkjesta Egrant.

Fix-xhieda tiegħu, il-Prim Ministru kkonferma li apparti hu, anke l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici għandu kopja tal-inkjesta Egrant, iżda qal ukoll li hu ma qarax ir-rapport sħiħ.

Qal ukoll li għadda kopja tal-inkjesta anke lill-Kelliem tiegħu, Kurt Farrugia.

“Rajt li l-konklużjonijiet ma ħallew l-ebda dubju. Ridt nipprepara stqarrija publika u għalhekk tlabt il-parir tal-avukat tiegħu u tal-Ministru Bonnici. Ridt inkun ċert li ma nippreġudikax kwalunkwe kwistjoni eventwali, b’dak li kont se ngħid,” saħaq Muscat.

Kompla jgħid li huwa ironiku li hu qed ikun mistoqsi meta hu u martu huma l-vittmi.

“Ma rajtx l-inkjesta kollha. Għandi ddiżappuntat u r-rabjat minħabba fiha. Hemm persuni, individwi privati li qed jaqsmu l-ismijiet miegħu u ma marti u li ma għandhomx ikunu msemmija fil-pubbliku. Dik hija waħda mir-raġunijiet għalfejn l-Avukat Ġenerali qed joġġezzjona.

'Dħalt fil-każ meta rriżulta li l-PM u l-AĠ ma qablux dwar il-pubblikazzjoni'

Xehed ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici li saħaq li anke jekk l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu, dan jaħdem b’mod indipendenti kif stipulat fil-Kostituzzjoni.

Anke jekk l-Avukat ta’ Adrian Delia tefa’ dubju dwar dan, il-Ministru insista li kuntrarjament għall-Ministri, l-Avukat Ġenerali jista’ jitneħħa biss bil-vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

Kompla jinsisti li anke waqt li jaġixxi bħala konsultent għall-Gvern, l-Avukat Ġenerali jibqa’ awtonomu. Qal ukoll li hu ma kellux x’jaqsam mal-inkjesta.

Bonnici qal li ċempillu l-Avukat Ġenerali fil-21 ta’ Lulju u infurmah li l-Uffiċċju tiegħu rċieva l-inkjesta u li se jkun qed joħroġ stqarrija.

Kompla jgħid li daħal fil-każ biss meta nduna li l-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali kellhom opinjonijiet differenti fuq il-pubblikazzjoni tar-rapport.

Mistoqsi jekk bagħatx l-inkjesta lil xi ħadd ieħor, Bonnici wieħed fin-negattiv iżda kkonferma li Kurt Farrugia għandu kopja.

Saħaq li ħadd mill-Gvern jew mill-Partit Laburista ma talab għal kopja.

L-avukat Pawlu Lia wkoll għandu kopja tal-inkjesta

Intant, qabel beda s-smigħ, l-Imħallef ordna lill-avukat tal-Prim Ministru, Pawlu Lia, biex ma jkunx preżenti fl-awla waqt li qed jixhdu xhieda oħra u dan wara talba tal-avukat ta’ Adrian Delia, Vincent Galea.

Lia xorta waħda jista’ jissejjaħ bħala xhud biex ikun mistoqsi meta rċieva kopja tal-inkjesta Egrant hekk kif anke hu għandu kopja.

Fil-konklużjonjiet ippubblikati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Maġistrat Aaron Bugeja saħaq li ma nstabux provi li l-kumpanija Egrant hija tal-Prim Ministru, martu jew xi ħadd mill-familja tagħhom.

Instab ukoll li d-dokumenti li kienu qed jiġu ppreżentati bħala prova kienu fil-fatt iffalsifikati.

Il-Prim Ministru dejjem qal li jinsab kommess li jippubblika r-rapport sħiħ, xi ħaġa li rrifjuta li jagħmel l-Avukat Ġenerali.

"L-uniku żbilanċ sar fil-konfront tal-Prim Ministru' 

Intant, fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li minħabba "l-gidba" ta' Egrant, il-Prim Ministru spiċċa jixhed f'kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni u li fi kliem il-PL "mingħajr mistħija qed jilmenta minn żbilanċ politiku."

"L-uniku żbilanċ vera sar fil-konfront tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu permezz ta’ din il-ħadma li nkixfet.  Wieħed jittama li din il-kawża ma twassalx biex ma ssirx ġustizzja ma min sofra għax il-każ ikun ippreġudikat u allura tagħti ċ-ċans li  biex min kien responsabbli, ma jieħux dak li ħaqqu," saħaq il-Partit Laburista.

L-istqarrija ttemm tittama li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jużax din l-okkażjoni biex tkompli ssir il-ħsara u ma ssirx ġustizzja vera.

'Il-PM biddel fhemtu dwar il-pubblikazzjoni ta' Egrant'

B'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru kkonferma li l-konklużjonijiet kienu biżżejjed għalih u għalhekk ma qarax il-kopja sħiħa tal-inkjesta li kellu.

"Dan ifisser li ma kienx hemm il-ħtieġa li persuni oħra tingħatalhom kopja tal-inkjesta bħalma ngħatat lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-avukat personali tal-Prim Ministru fost l-oħrajn," tgħid l-istqarrija. "llum fil-Qorti għamel u-turn kbira u issa qed jgħid li ma jaħsibx li dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat b'mod sħiħ."

Il-PN qal ukoll li dalgħodu, il-Ministru  Bonnici giddeb lill-Avukat Ġenerali meta qal li ngħata kopja sħiħa tar-rapport mill-avukat personali tal-Prim Ministru u mhux mill-Avukat Ġenerali.

"Il-Ministru Bonnici reġa' giddeb lill-Avukat Ġenerali meta qal li hu ma tax pariri dwar l-inkjesta, iżda tah parir dwar jekk ir-rapport għandux jiġi ppubblikat sħiħ,' tkompli l-istqarrija.

Il-PN temm jgħid li s-seduta tal-Qorti tal-lum ikkonfermat li esponenti ewlenin tal-Gvern għandhom aċċess għall-inkjesta u dan meta l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia baqa' ma ngħatax kopja. 

More in Politika