L-Avukat Ġenerali jgħid li l-Ministru Bonnici wkoll ingħata l-inkjesta sħiħa dwar Egrant

L-Avukat Ġenerali jgħid li ġew ippubblikati 'l-konklużjonijiet prinċipali'

L-Avukat Ġenerali Peter Grech qal fil-Qorti li apparti l-Prim Ministru Joseph Muscat, huwa għadda kopja tal-inkjesta sħiħa dwar il-kumpanija Egrant lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

Huwa qal dan waqt li kien qed jixhed fil-Qorti fil-kawża Kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, kontra l-istess Grech, wara li dan irrifjuta li jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta.

Apparti minn hekk, waqt l-istess xhieda, meta mistoqsi mill-Avukat Vince Galea jekk il-konklużjonijiet kinux ippubblikati b’mod sħiħ, Peter Grech wieġeb li “l-konklużjonijiet prinċipali kienu ppubblikati kollha kemm huma.”

Waqt ix-xhieda tiegħu, l-Avukat Ġenerali qal li għadda l-inkjesta lill-Ministru Owen Bonnici permezz ta’ imejl wara li dan talab li jkollu kopja għax bħala avukat kien qed jassisti lill-Prim Ministru fl-analiżi tal-inkjesta biex jiddeċiedi jekk din tkunx ippubblikata.

'Hemm dettalji li mhux fl-interess pubbliku li jkunu ppubblikati'

Qal li dakinhar li ħareġ ir-rapport tal-inkjesta, hu rċieva imejl mingħand l-Avukat Pawlu Lia, f’isem il-Prim Ministru u l-mara tiegħu jitolbuh li l-inkjesta tkun ippubblikata kollha. Saħaq li ma ħasx li kellu jagħmel dan għax ir-rapport huwa kbir u wieħed ried jaqrah bil-kwiet qabel ma jasal għall-konklużjonijiet.

Insista li r-rapport jinkludi informazzjoni, fosthom dettalji ta' kontijiet bankarji ta’ terzi persuni li mhux fl-interess pubbliku li tkun ippubblikata.

Insista li l-Prim Ministru kellu kull dritt ikun jaf x’fiha l-inkjesta ġaladarba kienet tirrigwardja lilu u ikkonferma li Muscat talab pariri biex jiddeċiedi jekk jippubblikax l-inkjesta sħiħa jew le.

Kien hawn li qal li l-Ministru Bonnici talbu kopja ġaladarba ntalab jagħti l-parir tiegħu, bl-Avukat Vince Galea, li qed jidher għal Delia, dlonk jistaqsih jekk dan ifissirx li Bonnici huwa avukat għal Prim Ministru. Huwa wieġeb biss li l-Prim Ministru ma setax janalizza r-rapport sħiħ waħdu.

Mistoqsi wkoll jekk ir-rapport mogħti lill-Prim Ministru kienx ridott, Peter Grech wieġeb li l-Uffiċċju tiegħu ma jistax jagħmel dan.

'Egrant differenti minn inkjesti oħra'

Galea staqsa wkoll lil Grech għalfejn ma għaddiex kopja lil Delia u għalfejn ma infurmahx li l-inkjesta kienet konkluża, iżda wieġeb biss li hu ppubblika stqarrija malli rċieva l-inkjesta sħiħa.

“Għamiltha ċara fl-istqarrija ta’ Lulju li l-inkjesta mhux se tkun ippubblikata kollha, minkejja talbiet li kelli minn kullimkien,” insista Grech.

Mistoqsi jekk kienx hemm drabi meta l-ġurnalisti ngħataw kopji sħaħ ta’ inkjesti, Grech qal li kien hemm każi, bħall-inkjesti ta’ PlusOne u Paqpaqli li ngħataw lill-Ministru għall-Ġustizzja u kien jaf li se jiġu ppubblikati.

Insista li f’dawk il-każi, l-inkjesti kienu assolutament konklussivi, ħarġu akkużi u persuni tressqu l-Qorti, saħaq Grech. “Fil-każ ta’ Egrant dan mhuwiex il-każ.”

Il-każ se jkompli fis-9 ta’ Ottubru.

'L-Avukat Ġenerali jrid irażżan lili milli nitkellem' - Adrian Delia

Intant, f'kummenti lill-midja, Adrian Delia qal li l-uniku raġuni għalfejn l-Avukat Ġenerali ma tahx kopja tal-inkjesta, dejjem skont dak li qal fil-Qorti, hija għax bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jitkellem.

"Dan ifisser li l-Avukat Ġenerali jrid irażżan lili milli nitkellem," saħaq Adrian Delia waqt li insista li dak li qal l-Avukat Ġenerali fil-Qorti huma fatti 'serjissimi' u li qed inaqqru d-demokrazija.

Temm jinsisti li issa huwa ċar li l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali mhijiex tenibbli.

More in Qrati u Pulizija