Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Aġġornata | 'Illum jew għada l-ġustizzja se ssir'

L-Arċisqof silet l-omelija kollha tiegħu, fil-quddiesa għal ruħ Daphne, mill-aħħar Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku

Yendrick Cioffi / 16 t'April 2018 16:49
L-Arċisqof Charles Scicluna, f'quddiesa għal ruħ Daphne Caruana Galizia, silet l-omelija kollha tiegħu mill-Eżortazzjoni Appostolika "Ifirħu u Thennew," li l-Papa għadu kemm ippubblika u insista li llum jew għada, il-ġustizzja se tasal.

L-Eżortazzjoni titkellem fil-fond dwar il-Beatitudnijiet, li fi kliem il-Papa jmorru kontra l-kurrent u l-ħajja tad-dinja, bl-Arċisqof jagħżel li jiffoka fuq l-ewwel beatitudni: "Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja."

L-Arċisqof silet kliem il-Papa Franġisku meta qal li l-ġustizzja hija bżonn u mingħajrha, il-ħajja tal-bniedem ma tkunx denja.

In-nies li mlew il-Knisja ta' San Franġisk fil-Belt Valletta
Kien hawn, li waqt li indirizza knisja ppakkjata bin-nies (anke barra fit-triq u fil-kurituri tal-kunvent Franġiskan), l-Arċisqof insista: "Illum jew għada l-ġustizzja se tasal." Ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jikkolaboraw biex dan ikun possibbli, anke jekk għalissa ma jarawx il-frott.

Kien hawn li kompla jikkwota lill-Papa Franġisku dwar dak li huwa l-kuntrarju tal-ġustizzja li dwarha jitkellmu l-Beatitudnijiet ta' Ġesù. "Faċli naqgħu fix-xbieki tal-korruzzjoni," kompla l-Arċisqof waqt li reġa' fakkar li qed jikkwota lill-Papa. "Faċli naqgħu fin-nassa li nagħti biex jagħtuni."

Hawnhekk żied ma' dak li kiteb il-Papa Franġisku u saħaq li l-istess ġustizzja mfaħħra minn Ġesù, hija wkoll il-ġustizzja minn dawk "il-poteri okkulti" ta' min irid joħnoq il-libertà tal-espressjoni.

Fil-bidu tal-omelija, meta kien qed jisħaq li Ġesù mhux jitkellem mill-ġuħ u l-għatx kif jifimhom il-bniedem, li minħabba fihom kien hemm minn saħanistra ried jagħmlu Sultan, l-Arċisqof insista li Ġesù hawn mhux qed jiddisprezza mill-ħidma tal-awtoritajiet jew tas-soċjetà ċivili li taħdem għall-għajxien.

Iżda saħaq li "perspettiva li tfittex biss il-progress materjali hija short-term...ma tfittixx dak li hu ta' veru ġid għas-soċjetà."

Peter Caruana Galizia, l-armel ta' Daphne
Lejn l-aħħar tal-omelija tiegħu, l-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-aħħar beatitudni: "Ħenjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa..."

"Ma nistgħux naħdmu għall-ġustizzja u nippretendu li ma jkollnix it-taħbit u t-tiġrib," kompla l-Arċisqof. Insista li hawn Ġesù kien qed jirreferi wkoll għal dawk li b'ħajjithom jisfidaw is-soċjetà, "nies li taw fastidju, nies li ġġieldu għall-ġustizzja u allura spiċċaw ippersegwitati."

Insista li l-persekuzzjonijiet mhux xi ħaġa tal-passat iżda għadhom jeżistu llum, mhux biss bit-tixrid tad-demm, imma anke fil-forma ta' "kalunji u qlajjiet."

Il-Kuritur tal-Kunvent u Triq ir-Repubblika waqt il-quddiesa
Intant, wara l-quddiesa, kompliet velja fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir fejn tul dawn l-aħħar xhur kienu ħafna dawk li poġġew fjuri u messaġġi quddiem ir-ritratt ta’ Carauna Galizia. Dan hu l-istess mafkar li minn żmien għall-ieħor tqum kontroversja fuqu.

Ritratt James Bianchi
Dalgħodu, diversi strixxuni u kartelluni dehru fit-toroq Maltin, kif ġara tul dawn l-aħħar xhur, jistaqsu meta se ssir ġustizzja. Diversi kartelluni biddlu titli ta’ films ta’ Hollywood biex jirreferu għall-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u anke ċ-Chief of Staff, Keith Schembri.

Intant, kienu ħafna dawk li llum kitbu jfakkru lil Daphne Caruana Galizia. Fost dawn kien hemm grupp ta’ kittieba internazzjonali li fetħu l-kanuni kontra kummenti taċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, fejn saħansitra talbu li għandu jiġi investigat u jekk neċċessarju jirreżenja, għax fi kliemhom, mhux qed jagħmel ġieħ lit-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

L-istess kittieba tefgħu dubju fuq l-investigazzjoni li qed issir dwar l-assassinju u anke dwar il-fatt li sa issa, ħadd ma jaf min hu l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Kiteb ukoll l-Ewroparlamentari Sven Giegold li talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda investigazzjoni komprensiva dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta.

Bħalissa, għadha għaddejja l-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra t-tlett irġiel, Alfred Degiorgio magħruf bħala "il-Fulu", ħuh George Degiorgio "ċ-Ċiniż" u Vince Muscat "il-Koħħu".

Interressanti, li fl-aħħar seduta, esperti forensiċi spjegaw kif fil-laptop, li ġie elevat mid-dar ta’ Carauana Galizia, kien hemm biss kontenut antik u l-aħħar li ntbagħtet email jew xi forma ta' komunikat ma' Caruana Galizia fuqu kien f'Diċembru 2015, sentejn qabel inqatlet.

Alfred Cardona qal illi probabbilment Caruana Galizia kienet qed tuża laptop ieħor u li "l-aktar xogħolijiet riċenti ma kinux fuq il-laptop (li kien qed janalizza)."

Intant, minn għada, konsorzju ta' ġurnalisti, 45 b'kollox, se jkunu qed joħroġu numru ta' stejjer ikkordinati mill-għaqda ta' ġurnalisti msejħa 'Stejjer Projbiti' .

Dawn il-ġurnalisti minn diversi djar tal-midja internazzjonali u anke lokali daħlu fid-dettall u studjaw madwar 750,000 file u dokument uffiċjali "biex jikkonkludu x-xogħol tal-ġurnalista."

Id-djar tal-midja jinkludu The New York Times, The Guardian, Reuters, le Monde La Republica kif ukoll it-Times of Malta, lokalment. 

F’intervista ma; The Guardian, Laurent Richard, il-Fundatur ta' 'Forbidden Stories', wissa lill-mandatur tal-qtil tal-istess ġurnalista illi "falla". 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook