'Il-gvernijiet Ewropej ma jistgħux jibqgħu jinjoraw in-nuqqasijiet f'Malta'

Sven Giegold sejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda investigazzjoni komprensiva dwar is-saltna tad-dritt

L-Ewroparlamentari Sven Giegold qal li sitt xhur wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Gvern Malti għadu ma għamel xejn biex jindirizza n-nuqqasijiet fil-ħarsien tal-liġi.

Insista li l-gvernijiet Ewropej ma jistgħux jinjoraw in-nuqqasijiet fil-ħarsien tal-liġi f’Malta, waqt li saħaq li “l-Gvern qed ikompli jfalli milli jsolvi l-problema tal-korruzzjoni u l-kriminalità finanzjarja.”

Kien għalhekk li sejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex ma tibqax tinjora l-problemi f’Malta imma tibda investigazzjoni komprensiva dwar is-saltna tad-dritt.

Giegold, li huwa wieħed mill-kelliema ewlenin tal-Partit tal-Ħodor u kien anke parti mid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta, fakkar li kemm il-Ministru Konrad Mizzi u anke ċ-Chief of Staff Keith Schembri għadhom fil-kariga minkejja li nkixfu fil-Panama Papers.

Fakkar ukoll li għadha ma ġietx revokata l-liċenzja tal-Bank Pilatus.

“Il-mudell tan-negozju f’Malta għadu bbażżat fuq l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, u f’ċertu każi, anke logħob illegali onlajn,” saħaq l-Ewroparlamenti.

Giegold fakkar ukoll li sitt xhur wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, il-moħħ wara l-assassinju għadu mhux magħruf.

Fakkar li minn għada, grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali se jkunu qed ikomplu fejn ħalliet Daphne Caruana Galizia filwaqt li fi kliemu l-Gvern qed ikompli jinjora l-problema.

More in Politika