Fejn hu l-laptop li kienet qed tuża Caruana Galizia qabel inqatlet?

Esperti Forensiċi qalu li fil-karozza ma kienx hemm laptop...il-laptop tad-dar kien antik u l-aħħar komunikat li rċeviet fuqu kien fl-2015, mela fejn hu l-laptop li kienet qed tuża Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet?

Daphne Caruana Galizia
Daphne Caruana Galizia

Hekk kif dalgħodu qed tkompli tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-espert tal-Qorti Alfred Cardona dalgħodu xehed kif il-kontenut li nstab fil-laptop mid-dar ta' Caruana Galziia kien antik. Cardona, kien appuntat biex janalizza l-laptop u l-memory cards mid-dar ta' Daphne Caruana Galizia. Instab iżda illi f'dan il-laptop il-kontenut kien antik u l-aħħar li ntbagħtet email jew xi forma ta' komunikat ma' Caruana Galizia fuqu kien f'Diċembru 2015, sentejn qabel inqatlet.

Cardona qal illi probabbilment Caruana Galizia kienet qed tuża laptop ieħor u li "l-aktar xogħolijiet riċenti ma kinux fuq il-laptop (li kien qed janalizza)."

L-espert qal illi hu ma kellu aċċess għall-ebda laptop li kien qed jintuża aktar riċentement minn Caruana Galizia. L-Ispettur Keith Arnaud u l-Avukati li qed jidhru parte civile qablu illi f'dan il-każ il-laptop ta' Caruana Galizia kien atik u ilu ma jintuża.  

Investigaturi kienu qalu lill-gazzetta The Malta Independent illi Daphne Caruana Galizia ma ħaditx il-laptop magħha u li kuntrarjament għal rapporti ma tneħħiex laptop mill-karozza ta' Daphne Caruana Galzia wara l-isplużjoni. L-Esperti Forsesiċi kienu qalu lill-istess gazzetta illi kieku kien fil-karozza l-laptop, kienet tinstab xi forma ta' evidenza. 

L-aħħar li użat il-laptop jew xi forma ta' apparat biex tikteb Daphne Caruana Galizia, kien qabel inqatlet, meta kitbet il-famuż blog li spiċċa bil-kliem 'There are crooks everywhere you look now, the situation is desperate.' 

More in Politika