'Kieku ħallejt dan kollu jegħlibni, kont inkun biss tellief u kont inpaxxi lil min ried jarani nitlef'

Samir Arab - plejer importanti ta' Balzan FC u li fil-jiem li għaddew irritorna fl-azzjoni wara sospensjoni ta' sentejn. Jinsab determinat li jirritorna fl-ogħla livelli possibli

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Ironikament, meta l-ewwel darba li bdejt futbol ta' ħames snin, konna għamilna ġimagħtejn fi ħdan in-nursery ta' San Ġwann flimkien ma' ħija Siraj, però mbagħad waqafna għax ma ridniex inkomplu. Erġajna bdejna meta kellna seba' snin u minn hemm 'il quddiem, bdiet l-imħabba tagħna lejn il-futbol. Aħna ġejjin minn familja li tħobb l-isport u l-futbol kien xi ħaġa favurina u li kien dejjem isemmi n-nannu, Alla jaħfirlu, li huwa wkoll eks plejer ta' Valletta minn żmien is-sittinijiet u għalekk kienet xi ħaġa li iktar xtaqt nagħmel.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif għexthom l-aħħar sentejn li fihom ma kontx fl-azzjoni?

Onestament, mhix xi ħaġa li nixtieq inkompli nitkellem fuqha. Dak iż-żmien, nerġa' nħares lura lejh biss biex inqajjem kuxjenza fuq dak li jinsab għaddej fil-futbol u l-konsegwenzi li tista' tasal għalihom. Però, la saqsejtni, se nagħtik ftit kummenti żgħar. L-aħħar sentejn ovvjament ma kienu faċli xejn. Batejt, bkejt, tkissirt għal ftit żmien, tfarrakt mentalment però l-importanti li meta wasal iż-żmien biex negħleb din in-negattività kollha, flimkien mas-sapport li kelli, xammart il-kmiem u bdejt il-ħidma tiegħi biex nirritorna għal dak li kont qed nimmissja u nħobb - il-futbol. Ma tajtx kas tal-ispejjeż li kelli u kien qed ikolli. Dort għal għajnuna finanzzjarja mingħand il-familjari u qabbadt żewġ personal trainers; Justin Pisani u Karl Sciortino, li minn hawn nixtieq nirringrazzjahom. Dawn għenuni fuq żewġ aspetti ta' fiżika differenti u ġieli kien ikolli taħriġ fis-sitta ta' filgħodu u oħra filgħaxija. Kont ġieli nitħarreġ anke għaxar darbiet f'ġimgħa. L-għan li nerġa' lura b'saħħti u noħroġ rebbieħ minn dak kollu avolja kont tlift ħafna żammni sod. Kieku ħallejt dan kollu jegħlibni kont inkun biss tellief u kont inpaxxi lil min ried jarani nitlef. Kelli naghmel l-almu tiegħi kollu biex ħbieb, kollegi u familjari li kienu hemm għalija u min bata u beka miegħi, intihom lura s-sodisfazzjon li jerġgħu jarawni lura nilgħab kif hekk għamilt. Kif jgħidu wara l-maltemp, jitfaċċa l-bnazzi!

L-aħħar sentejn ovvjament ma kienu faċli xejn. Batejt, bkejt, tkissirt għal ftit żmien, tfarrakt mentalment però l-importanti li meta wasal iż-żmien biex negħleb din in-negattività kollha, flimkien mas-sapport li kelli, xammart il-kmiem u bdejt il-ħidma tiegħi" Samir Arab

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Mhux se ngħid li ma naqbilx għax il-futbol fil-Premier b’14-il tim xorta qed ikun wieħed kompetittiv, però nemmen u l-opinjoni personali tiegħi hija li l-kampjonat ikun iktar kompetittiv u ta' kwalità aktar għolja li kieku jerġa' lura għal 12-il tim jew għaxar timijiet bi tliet rawnds.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Jekk nieħdu eżempju tat-timijiet li hemm fil-kampjonat illum il-ġurnata, kull tim jista' jagħtik logħba, però nemmen li hemm qabża fil-kwalità ta' plejers li jinsabu fit-timijiet ta' fuq u dawk ta' taħt. L-ikbar problema bejn dawk ta' fuq u taħt, hija dik finanzjarja fejn plejers m'għandhomx dik il-professjonalità li ssib f'ċerti timijiet ta' fuq l-aktar fejn jidħlu kwistjonijiet ta' pagamenti u ħlas tard li forsi ġġiegħel lill-plejer jiffoka iktar fuq il-karriera tiegħu tal-futbol biex forsi xi darba plejers Maltin ikunu jistgħu jagħmlu kuraġġ għall-qabża ta' ħajja professjonali fil-futbol.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Bejn naqbel u bejn ma naqbilx. L-isfida li tikkompeti għal postok ma tgħamillix differenza jekk tkunx kontra xi ħadd ta' nazzjonalità Maltija jew dik barranija, sakemm id-deċiżjonijiet ikunu fuq min ikun verament ħaqqu li jilgħab għax nemmen li jeżistu sitwazzjonijiet fejn plejer jiġi ppreferut biex jilgħab għax ikun barrani, sfortunatament. L-iżvantaġġ qiegħed fil-fatt li l-barranin qegħdin hawnhekk b’mod professjonali u l-Maltin jinsabu b'kuntratti semi-professjonali, u jkollhom ġurnata xogħol qabel it-taħriġ tagħhom. Nerġa' lura għall-problema finanzjarja li qed jaffrontaw ċerti klabbs li mhux qed tagħmel kuraġġ lill-plejers żgħażagħ biex jagħmlu l-qabża għall-ħajja professjonali tal-futbol, waqt li jkun hemm ħlasijiet differenti bejn plejers barranin u dawk Maltin - xi ħaġa li grazzi għall-president Anton Tagliaferro, m'għandniex fil-klabb ta' Balzan.

Kelli nagħmel l-almu tiegħi kollu biex ħbieb, kollegi u familjari li kienu hemm għalija u min bata u beka miegħi, intihom lura s-sodisfazzjon li jerġgħu jarawni lura nilgħab kif hekk għamilt" Samir Arab

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Nista' nitkellem għall-plejers li nitħarreġ u nilgħab magħhom, fejn li nista' ngħid huwa li fil-klabb ta' Balzan, il-barranin li għandna huma kollha ta' kwalità għolja, però nemmen li hemm barranin li qed jinġiebu hawn Malta li x-xewqa li jtejbu l-kwalità tat-tim tagħhom u l-kampjonat li qed jilagħbu fih.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat Premier?

L-aħjar grawnd bla dubju huwa l-Istadium Nazzjonali u nemmen li l-Hibernians Stadium għandu l-potenzjal li b’rinovar fil-pitch li jsir bl-istess mod li qiegħed isir tal-Istadium Nazzjonali u avvanzi fil-faċilitajiet, jista' wkoll ikun tal-istess livell. Imbagħad, għandek is-Centenary Stadium li bħala pitch minn mindu, bidlu t-turf sar ferm iktar pjaċevoli biex tilgħab fuqu. Però, jekk ikun hemm grawnd ieħor b'turf naturali, jista' jiswa ta' ġid biex xi darba jkollna l-logħob kollu fl-ogħla diviżjoni ta' Malta jintlagħab fuq dat-tip ta' grawnd.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul dan l-istaġun?

Rajt ħafna logħob mill-istands u minn fuq it-televixin u nemmen li l-kontroll tar-referis fil-kampjonat huwa wieħed li qed jitjieb. Qed jiġu wkoll introdotti referis żgħażagħ oħra li qed jagħmlu xogħol tajjeb u qed iħalli iktar frott, iktar ma jiksbu esperjenza. Naħseb li fil-fond ta' qalbu, għalkemm xi drabi jkun hemm kritika u battibekki fil-pitches, kulħadd japprezza x-xogħol diffiċli tal-grupp ta' referis u assistenti li jikkontrollaw il-logħob.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

L-iktar ħaġa importanti hija illi dak li tagħmel, tagħmlu b’passjoni, dedikazzjoni u determinazzjoni. Jekk ikollok dawn it-tliet elementi, tkun lest li tagħmel kollox u s-sagrfiċċji, tibda tikkunsidrahom minimi.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Nirringrazzja minn hawn lil min iħaddimni għax insib sapport kbir mingħandhom. Kieku ma jkollokx l-għajnuna tagħhom, tkun iktar diffiċli biex tlaħħaq. Biddilt il-ħinijiet tiegħi tax-xogħol, fejn issa nibda fis-sebgħa ta' filgħodu, biex inkun nista' naħdem it-tmien sigħat u nlaħħaq mat-taħriġ li jibda fit- 3.30pm.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ninsab kunfidenti fl-abiltajiet tiegħi. Ninsab iktar determinat li nikseb ix-xewqiet tiegħi fil-futbol, speċjalment li nirrapreżenta n-Nazzjonal tal-kbar u nirbaħ l-unuri mat-tim ta' Balzan. Is-Sentejn li għamilt sospiż ma kienu xejn faċli, però xejn ma jaqtagħli qalbi. Illum il-ġurnata, erġajt qed inkompli fejn ħallejt u nemmen li se nasal għal dak li vera nixtieq hekk kif inkompli nagħmel dak li nħobb.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa li jagħmlu dak li jħobbu bit-tliet affarijiet li semmejt iktar kmieni f'din l-intervista, b’passjoni, dedikazzjoni u determinazzjoni. B’dawn it-tliet ingredjenti, huma jkunu fit-triq it-tajba biex jiksbu l-għanijiet tagħhom. Ġej żmien tajjeb għalihom hekk kif milli qed jidher, l-MFA lesta tinvesti fi tfal u żgħażagħ fix-xena tal-futbol lokali u għandha ideat tajbin. Għandhom iċ-ċans li jkunu huma li jibdew jiktbu l-istorja ta' pajjiżna fil-futbol, u dak ikun suċċess fih innifsu.

More in Intervista