'Wara li għelibt ċerti limitazzjonijiet fil-mod kif naħseb waqt il-logħob, stajt nakkwista suċċessi akbar'

Cynthia Frendo Duca - bowler Maltija tal-ogħla livell li riċentament kisbet l-ewwel unur Ewropew fil-karriera tagħha.

CYNTHIA FRENDO DUCA

Hija bowler Maltija tal-ogħla livell.

Riċentament kisbet l-ewwel unur Ewropew fil-karriera tagħha.

Bdiet tilgħab il-bowling ta' età żgħira meta kellha 11-il sena

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Ten-Pin Bowling u kif komplejt tevolvi fl-istess sport?

Bdejt nilgħab il-bowling ta' età żgħira meta kelli 11-il sena. Kont ninżel il-bowling iktar biex nieħu gost ma' sħabi milli biex nitħarreġ. Dak iż-żmien kont inqatta' siegħa jew sagħtejn fil-ġimgħa biss, qatt ma kont ħadt il-bowling bis-serjetà. Dak iż-żmien kont ukoll nilgħab il-volleyball u ta' tifla li kont iddeċidejt li l-volleyball kien jogħġobni aktar u għalhekk waqaft immur il-bowling biex nilgħab il-Volleyball. Però, kif beda jgħaddi ż-żmien bdejt ninduna li għamilt żball tlaqtu. Għalkemm ma kontx nitħarreġ wisq fil-bowling meta kont żgħira, ix-shot dejjem kien hemm qisu naturali. Għaldaqstant wara sitt snin wieqfa mill-bowling, iddeċidejt li nerġa' nipprova. Mort għamilt żewġ sessjonijiet u erġajt waqajt għall-imħabba tal-bowling. Minn dakinhar 'l hemm bdiet it-triq għal ħafna impenn u sagrifiċċji, kif ukoll xi ftit diżappunti u wkoll unuri.

Kif jirnexxilek tlaħħaq mal-istudju u mal-bowling?

Meta kont għadni qed nistudja għall-Masters, kont immur nitħarreġ fil-ġranet li ma jkollix lezzjonijiet filgħaxija, wara x-xogħol. Illum il-ġurnata nidħol għax-xogħol kmieni filgħodu, biex inkun nista' nitlaq f’ħin tajjeb biex immur niffoka fuq il-bowling.

X’inhuma l-unuri prinċipali li rbaħt fil-bowling kemm personali kif ukoll mat-tim li tikkompeti miegħu u anki mat-tim nazzjonali?

Ftit tax-xhur wara li bdejt nitħarreġ il-bowling sewwa rbaħt l-ewwel kompetizzjoni tiegħi fl- 2015. Dik is-sena rbaħt il-Gold Cup, u erġajt irbaħtha għas-sena ta' wara konsekuttiva.

Din is-sena kelli sena tajba ħafna, u bdejt billi ġejt it-tieni fil-kampjonat nazzjonali.

Kellna wkoll kompetizzjoni lokali miftuħa għall-barranin, il-Malta Open. Waqt dan il-kampjonat kelli prestazzjoni tajba ħafna. Spiċċajt għaddejt għas-semi-finali u spiċċajt fit-tielet post. Ġejt bħala l-aħjar mara tal-kampjonat u l-ewwel bowler lokali fil-kampjonat. Waqt il-Malta Open kellna wkoll id-doubles tournament, fejn jiena kkompetejt flimkien ma' Mariana, bowler mill-Bulgarija. Waqt dan il-kampjonat, irnexxieli nikser ir-rekord nazzjonali għall-ogħla erba' logħbiet li qatt ġew milgħuba min-nisa ġewwa Malta.

Dis-sena mort ukoll l-ewwel kampjonat tiegħi waħdi barra minn Malta. F’Ġunju mort Sofia, fil-Bulgarija nilgħab il-Balkan Challenge. Dan il-kompjonat kien maqsum f’singles, doubles u team event. Fis-singles irnexxieli niġi fil-15-il post minn 200 parteċipant. Fid-Doubles erġajt lgħabt ma' Mariana Meteksinova u hawnhekk irnexxielna niġu fit-tieni post. Fit-team event spiċċajna wkoll fit-tielet post. Din kienet l-ewwel darba li xi ħadd minn Malta mar għal dan il-kampjonat u semma l-isem ta’ Malta darbtejn fuq il-podju.

X’taħseb li hu s-sigriet tas-suċċess li rnexxilek tikseb fil-bowling?

Għall-bowling nagħmel kollox u nissagrifika ħafna. Inqatta' ħafna ħin il-bowling u għalhekk ikolli naqbeż ħafna attivitajiet. Is-sagrifiċċji kollha li nagħmel, meta nitlef avvenimenti tal-familja, xogħol jew festi biex inżomm mal-iskeda tat-taħriġ, jagħtu lura l-frott tagħhom f’kampjonati bħal dawn.

Hemm biżżejjed interess minn tfal u żgħażagħ fil-bowling fil-gżejjer Maltin?

Bħalissa hawn grupp ta' żgħażagħ sabiħ. Għandna ħafna żagħżagħ b’potenzjal qawwi u li diġà qegħdin jiksbu u jirbħu midalji barra minn Malta.

Finanzjarjament huwa diffiċli li wieħed jipprattika l-bowling? Xi bżonnijiet finanzjarji jinvolvi l-bowling?

Il-bowling mhuwiex sport irħis. Jekk trid tidħol għall-bowling bis-serjetà, għandek bżonn tonfoq il-flus biex ikollok dak kollu li hemm bżonn, bħall-blalen differenti, żarbun, għodda biex tirranġa l-blalen u ż-żarbun. Trid ukoll taħseb għall-flus biex tidħol tilgħab fil-kampjonati, kompetizzjonijiet u taħriġ. Jekk trid timxi ħafna iktar 'il quddiem, trid ukoll tikkompeti f’kampjonati mhux lokali biss però anke barra minn Malta. Trid tkun lesta biex tonfoq il-flus biex tkabbar ismek u tintegra ruħek mal-komunità tal-bowling barra minn Malta.

Xi ħwejjeg jew żarbun il-bowler jilbes biex ikun jista’ jipprattika l-bowling b’mod effiċjenti? U x’apparat ikollu jixtri?

Il-bowling kulħadd jaf li mhux sport li ser tagħmel wisq attività fiżika, però bħala ħwejjeġ għall-bowling idealment tilbes xi ħaġa li mhix issikkata miegħek ħalli tkun tista' tħossok libera. Għandna żraben apposta biex meta tkun fuq il-lane tagħmel l-approach tiegħek, inti tkun tista' tiżloq iktar fuq il-lane u tkun tista' tagħmel ix-shot tiegħek. Żarbun f’sieq minnhom ikun jiżloq, u n-naħa l-oħra le, u jkollu l-qiegħ jinqala' biex tagħmel “soles” differenti

Il-media tippromovi l-bowling f’pajjiżna?

Il-media riċentament saret tippromwovi l-bowling aktar minn qabel. Iktar ma nagħtuh importanza, iktar inressqu żgħażagħ lejn dan l-isport.

Kif tqis il-livell tal-bowlers Maltin meta kkumparat ma’ bowlers internazzjonali? Taħseb li dan naqas jew żdied minn meta bdejt tipprattika l-bowling?

Il-livell hawn Malta dejjem qiegħed jogħla. Qed ikollna aktar żgħażagħ jilagħbu u li dejjem jgħollu aktar il-livell. Għall-pajjiż daqstant żgħir qed niksbu ħafna unuri. F’Malta għandna talent kbir u qawwi. Irbaħna ħafna midalji fil-Mediterran matul is-snin. Din is-sena f’Malta ksibna l-ewwel midalja fid-dinja tal-bowling fil-qasam tal-Men's World Senior bis-saħħa ta' Mark Spiteri li kkompeta ma' ġganti ta' dan l-isport u rnexxielu jikseb midalja tal-bronż ġewwa Las Vegas.

Taħseb li fil-futur bowler Malti jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu esklussivament mill-bowling?

B’aktar opportunitajiet li waħda tmur tikkompeti barra minn Malta, hemmhekk jibdew jidħlu naqra somom kbar bħala premjijiet. Ovvjament trid tkun tfajt l-investiment tiegħek bħala plejer, fil-ħin tat-taħriġ, u l-finanzi kollha li jmorru fih l-isport, biex tkun f'pożizzjoni li tirbaħ.

Meta kkumparat ma’ barra minn Malta kif tqis ir-riżorsi li fihom titħarrġu u tilagħbu l-bowling f’Malta?

Għandna bowling centre wieħed, li hu ta' entità privata. Għandna nuqqas ta' riżorsi fejn nitħarrġu, speċjalment għal ċerti tattiċi partikolari u kundizzjonijiet tal-logħob. Biex nitħarrġu f'dan l-isport u nlaħħqu ma' pajjiżi oħra, inħallsu ħafna flus.

Meta nikkomparaw iċ-ċentru ma' dak li nsibu barra minn Malta, huwa evidenti li għandna bżonn aġġornament fl-infrastruttura.

Il-bowling kif jgħinek fiżikament kif ukoll psikoloġikament?

Il-bowling huwa sport verament sabiħ, fejn trid kemm abbiltà fiżika kif ukoll psikoloġika. L-aktar ħaġa importanti waqt il-logħob hija li tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek u ma tħallihomx jirkbuk, kif ukoll dejjem tkun pożittiva għax ma tistax tgħid kif il-logħob ser idur. Waqt il-logħob trid iżżomm f’moħħok x’żejt qed jintuża, u kif jista' jimxi jew jinbidel tul l-istess logħba, sabiex tkun tista' taddatta għall-kundizzjonijiet.

Naf li l-aħħar snin kienu importanti ferm għalik. Għaliex?

Dawn l-aħħar snin qattajt ħafna ħin nipprattika l-bowling u tajtu ħafna importanza. Matul dawn l-aħħar snin kont qed nipprova nitgħallem kif inkun iktar pożittiva. Mhux dejjem faċli għax ovvjament mumenti ta' diffikultà kulħadd ikollu, però trid tara kif b’xi mod se tqum fuq tiegħek u ma taħsibx biss fil-ħażin. Wara li għelibt ċerti limitazzjonijiet fil-mod kif naħseb waqt il-logħob, stajt nakkwista suċċessi akbar.

X’inhuma l-pjanijiet tiegħek għal din is-sena fit-ten-pin bowling?

Din is-sena fadalli żewġ tournaments oħra barra minn Malta - wieħed Bucharest fir-Rumanija u l-ieħor Sofia, fil-Bulgarija. Tournaments lokali ma tantx fadal wisq peress li s-sena dalwaqt ser tispiċċa.

Għandek xi ħolma partikolari li tixtieq li ssir realtà fil-futur qrib?

Nixtieq li xi darba il-bowling jidħol mal-logħob tal-Olimpjadi u li jien inkun parti mit-tim nazzjonali ta' Malta biex nirrappreżentaw kemm l-isport li tant inħobbu u l-pajjiż tagħna Malta f’dan l-isport.

L-ikbar ħolma li għandi hi li xi darba jirnexxieli mmur l-Amerka u nilgħab mal-aqwa bowlers fid-dinja.

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjament partikolari wara dan is-suċċess kollu li rnexxielek tikseb f’daqstant żmien qasir?

L-ewwel żewġ persuni li nixtieq nirringrazzja huma żgur mhux forsi il-kowċis tiegħi, Mark Spiteri u Dennis Mercieca. Dawn huma żewġ persuni għal qalbi ħafna u dejjem ikunu hemm biex ikomplu jgħinuni nsaħħaħ il-logħba tiegħi.

Irrid ngħid grazzi kbira lir-raġel tiegħi u lill-familja tiegħi ta' kemm jagħtuni appoġġ. Mhux dejjem faċli tqatta' daqshekk ħin 'il bogħod mid-dar u mill-familja.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-bowling.

Il-bowling huwa sport għal kulħadd. Bħal kul sport ieħor iktar ma kemm tibda minn età żgħira iktar aħjar. Il-komunità li wieħed jiltaqa' magħha fil-bowling meta tikber u ssiefer hija sabiħa ferm u tagħmel ħafna ħbieb u konnessjonijiet ġodda. Il-bowling għaldaqstant mhuwiex sempliċiment titfa' boċċa, iżda hemm ħafna ħsieb fil-logħba u ħafna ‘mental game’ li jagħmilha interessanti ħafna. Il-logħba tal-bowling hija waħda ferm sabiħa u ta' sodisfazzjon kbir.

 

More in Intervista