'Il-verità hi li l-bodybuilding huwa addattat kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel bħal kull sport ieħor'

Loranne Briffa - bodybuilder ewlenija f'Malta li f'din l-intervista tagħmilha ċara li l-bodybuilding huwa addattat għal kull ġeneru waqt li jgħin lil kull persuna li tipprattikah minn kull lat.

Kif għażilt il-bodybuilding fost sport ieħor?  

Fil-bidu bdejt immur il-gym biex inħossni aktar fit u b'saħħti. Iktar ma beda jgħaddi żmien iktar bdejt nieħu gost nara differenza fija nnifsi kemm fiżikament u anke mentalment u ħadt dan l-isport b'aktar serjetà. Illum ma nimmaġinax ħajti mingħajr dan l-isport.

Ma taħsibx li l-bodybuilding minħabba s-saħħa fiżika li jirrikjedi huwa iktar addattat għall-irġiel milli għan-nisa?

Sfortunatament, għad hawn nies li jaħsbuha b'dan il-mod. Il-verità hi li dan l-isport huwa addattat kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel bħal kull sport ieħor. Hawn Malta għandna ħafna atleti nisa f'dan il-qasam li huma ta' livell għoli ħafna.

It-taħriġ li int tagħmel biex tipprattika dan l-isport kif jiddiversifika minn taħriġ li wieħed irid jagħmel biex jieħu sehem f’xi tip ta' sport ieħor?

Kull sport fih l-impenji tiegħu. F'dan il-qasam ta' sport huwa importanti li titħarreġ ta' spiss u tara li qed tagħti importanza lil kull parti fiżika. It-taħriġ irid jikkonsisti f' kemm dak li ngħidulu upper body kif ukoll il-lower body. Biex iżżomm ruħek attiv f'dan l-isport trid titħarreġ bejn tlieta u erba' darbiet fil-ġimgħa. Huwa importanti ukoll li jkollok ġranet fejn ma titħarriġx - rest days biex tevita li tweġġa'.

X'differenza tgħaddi bejn il-bodybuilding, il-weightlifting u l-powerlifting?    

Il-bodybuilding huwa sport fejn l-atleta jkun jixtieq ikabbar jew jagħti iktar definizzjoni lill-muskoli tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-weightlifting u l-powerlifting jiffokaw iktar fuq irfiegħ, fejn l-għan ewlieni tal-atleta jkun li jżid fis-saħħa biex jerfa' iktar piż.

Bodybuilders Maltin jieħdu sehem regolarment f'kompetizzjonijiet importanti tal-bodybuilding madwar id-dinja? 

Iva, hawn Malta għandna ħafna atleti f'dan il-qasam li jmorru tajjeb meta jikkompetu kemm f'Malta stess kif ukoll barra minn Malta. Il-kompetizzjonijiet huma exposure sabiħ għal dan l-isport fejn l-atleti jistgħu juru x-xogħol kontinwu tagħhom ta' matul is-sena kollha.

Naf li l-isport tagħkom jinvolvi bosta spejjeż. Huwa minnu dan?

Iva, biex tara s-suċċess irid ikollok dieta tajba u bbilanċjata. Sfortunatament ikel sustanzjuż huwa iktar għoli minn ħafna junk food. Irid ikollok ukoll gwida tajba f'dak li qed tagħmel bħala taħriġ. Dan kollu jirrikjedi spejjeż iżda meta tara differenza f'saħħtek, tinduna li huwa investiment għal ħajtek.

Konxju wkoll mill-fatt li l-isport tagħkom jinvolvi dieta partikolari. Int kif tqassam id-dieta tiegħek. Agħtina iktar dettalji.

Dieta bbilanċjata hija l-aħjar biex iżżomm b' saħħtek kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Tidra tevita ikel li mhux daqshekk nutrittiv u tibbaża l-ikel tiegħek fuq ikel li mhux ipproċċesat. Dan jinkludi tiġieġ, ħut, ħaxix, frott, ross u ċereali. Ovvjament xi kultant tista' wkoll tieħu ikla kif tixtieq - jien inħobb ngħidilha t-"treat meal" fejn inti tiekol dak li jkollok aptit f'porzjon moderat. Dan il-mod jgħinek biex issib bilanċ fid-dieta tiegħek u żżommha bħala 'lifestyle'.

X'sagrifiċċji u impenji partikolari jirrikjedi l-isport li int tipprattika?

Iktar milli sagrifiċċji inħobb ngħidilhom addattamenti żgħar fejn pereżempju tnaqqas milli tixrob mal-ħbieb jew tevita ċertu ħruġ jekk l-għada taf li jkollok it-taħriġ filgħodu. Trid tagħmel l-isport prijorità fuq affarijiet oħra li jgħaddu però li jafu jnaqqsulek milli tkun tista' tagħti l-aqwa tiegħek. Bħala impenji jien personali nipprova ndaħħal mill-inqas erba' darbiet fil-ġimgħa taħriġ kif ukoll il-preparazzjoni tal-ikel addattat għal dan l-isport.

Kif tipprepara ruħek kemm fiżikament kif ukoll mentalment qabel xi photoshoot? 

Meta nkun se nagħmel xi physique photoshoot ikolli gwida speċifika mingħand in-nutrition advisor tiegħi kif ukoll mingħand it-training coach. Għal dak il-perjodu li jkun ta' madwar tmien ġimgħat tiżdied xi ftit l-intensità tat-taħriġ u tinbidel ukoll id-dieta biex tilħaq il-potenzjal tiegħek kollu li jkun ilek taħdem għalih sena sħiħa. Mentalment, sakemm tkun qed tipprepara jaf tħossok xi ftit għajjien iżda wara tieħu gost tara l-avvanzi li tkun għamilt minn sena għall-oħra.

Il-bodybuilding kif jgħin lill-atleta li jkun qed jipprattikah kemm mentalment kif ukoll psikoloġikament?    

Il-bodybuilding trid tkun esperjenzajtu biex tista' tifhem il-bidla li tħoss fik mentalment. Meta tħossok tajjeb fiżikament se tħossok tajjeb ukoll mentalment. Tibni iktar kunfidenza fik innifsek u tkun aktar pożittiv fil-'lifestyle' tiegħek. Tħossok aħjar kemm għalik kif ukoll għal ta' madwarek.

Ċert li dan l-isport jgħollilek l-istima personali tiegħek kif ukoll il-kunfidenza fik innifsek. Lilek dan l-isport tħoss li żiedlek il-kunfidenza fik innifsek?

Iva, għalija l-fitness nħossu li bidilli ħajti kemm fiżikament kif ukoll bħala karattru. Kull tip ta' sport jgħin biex tkun aktar ferħan fil-ħajja tiegħek. Lili nħoss li affettwani ħafna - sirt persuna iktar 'outgoing' u għamilt ħafna ħbieb ġodda li jħobbu l-istess sport bħali.

  Naf ukoll li qabel il-kompetizzjonijiet jew photoshoots ma tieklu u tixorbu kważi xejn fejn kważi tiġu ‘dehydrated’. Huwa minnu dan?  

L-aħħar ftit ġranet qabel avveniment importanti huwa vera li d-dieta u l-eżercizzju jsiru aktar intensivi. Jien dejjem nagħti l-parir li ħadd ma jipprova dieta waħdu iżda jmur għand persuni b'esperjenza fuq nutrizzjoni biex jipprepara għal dan it-tip ta' avvenimenti. In-nuqqas ta' ilma fl-aħħar siegħat jintuża biex toħrog iktar id-definizzjoni tal-muskoli. Għal dieta regolari l-ilma huwa importanti ħafna.

Hemm biżżejjed konkorrenza minn persuni żgħażagħ għal dan l-isport?

Naħseb li f'dawn l-aħħar snin żdiedu l-persuni li jinterressahom dan l-isport iżda nemmen li hawn ħafna aktar potenzjal fejn jista' jkollna aktar żgħażagħ li jirnexxu f'dan l-isport, kieku jkun hawn iktar exposure ta' dan l-isport.

Kif tqabbel ir-riżorsi li fihom titħarrġu f'Malta meta kkumparati ma' dawk li nsibu barra minn Malta?

Hawn ħafna gyms li huma ta' kwalità tajba ħafna u għandhom apparat vera modern. Jibqa' wkoll il-problema li aħna hawn Malta m'għandniex daqstant kobor. Nixtieq kieku Malta jkollna outdoor gyms fuq il-livell ta' barra minn xtutna -  ħafna aktar nies kieku jitħajru jesperjenzaw dan l-isport.

It-taħriġ tagħkom il-bodybuilders nisa fiex jikkonsisti u jagħmel differenza t-taħriġ tagħkom meta kkumparat ma' dak tal-irġiel?

Jiena personali nitħarreġ bejn erba' jew ħames darbiet fil-ġimgħa. Darbtejn upper body u darbtejn lower body. Inħobb indaħħal ukoll xi ftit cardio bħall-ġiri jew qdif ukoll. It-taħriġ huwa simili kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, iktar jiddependi minn kemm jiflaħ il-persuna milli jekk hux raġel jew mara.

Il-media f’pajjiżna tagħtikom biżżejjed exposure u pubbliċità? 

Naħseb li dan l-isport ma jingħatax prominenza bħal sport ieħor u kultant inħoss li għad hawn ftit stigma negattiva lejn dan l-isport. Hawn ħafna persuni f'dan l-isport li għamlu isem sabiħ għal Malta f'pajjiżi barranin u ftit li xejn nafu bihom. Il-media tista' toffri aktar spazju lil dan l-isport.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala ‘bodybuilder’?

Nixtieq ħafna li nkompli ntejjeb ilS-figura tiegħi u nżomm ruħi fit. Bħala għalliema speċjalment il-fatt li ngħallem tfajliet adoloxxenti nixtieq li nkun ta’ eżempju tajjeb biex inħeġġiġhom jersqu lejn dan l-isport.

Għaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ speċjalment tfajliet li qegħdin jaħsbuha biex jibdew jipprattikaw il-‘bodybuilding’.

Iva, inħeġġiġhom ħafna biex jippruvaw dan l-isport. Sakemm tibda forsi tħossha diffiċli però malajr tibda tara l- benefiċċji u tibdil fik innifsek. Iktar ma tibda dan l-isport kmieni, iktar se tibbenifika tul ħajtek kollha.

More in Lokali