'Fil-ħajja trid tipprepara u tkun lest biex meta tasal l-opportunità teħodha'

Lee Pisani - talent żagħżugħ ta' Sliema Wanderers u li m'hemmx dubju li qed iħabbat il-bieb tat-tim tal-kbar tal-Blues.

Lee Pisani
Lee Pisani

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bażikament jien bdejt nilgħab il-futbol ta’ seba’ snin. Minn ta’ età żgħira ħafna ħabbejt lil dan l-isport, fejn saħansitra niftakar li kull fejn kont immur dejjem kont nieħu l-ballun miegħi. Dak iż-żmien qabel ma’ ddeċidejt li ningħaqad ma’ klabb kont nilgħab il-futbol anke fit-toroq ma’ sħabi. Il-karriera tiegħi bdejtha ma’ Pietà Hotspurs u minn hemm l-imħabba tiegħi dejjem baqgħet tikber. Nista’ ngħid li l-futbol dejjem kien parti kbira minn ħajti u dejjem kelli dik l-ambizzjoni biex ikolli karriera ta' suċċess u għadha tinsab fija sal-ġurnata tal-lum.

X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul l-aħħar staġun?

L-aħħar staġun fuq nota ġenerali kien wieħed mimli tlajja’ u nżul. Avolja ma rnexxilniex nilħqu l-għanjiet prinċipali tagħna bqajna għaddejjin u magħqudin mill-bidu sal-aħħar. Sfortunatament ma bdejniex l-istaġun kif xtaqna però bqajna naħdmu u dawwarna l-istaġun għal wieħed pożittiv. Fil-bidu tal-ewwel rawnd konna qegħdin fil-qiegħ tal-klassifika però bil-motivazzjoni u l-ħidma tal-kowċis kif ukoll tal-plejers ġejna viċin ħafna biex nirbħu l-kampjonat. Nemmen li kien ħaqqna aħjar bit-talent li kellna fl-iskwadra però xorta waħda kien kampjonat pożittiv fejn ma qtajniex qalbna u dawwarna l-istaġun fuq nota pożittiva.

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Personalment naħseb li dan il-format huwa aħjar milli kellna qabel u naħseb ukoll li huwa xi ħaga pożittiva ħafna. B’14-il tim fil-Premier hemm aktar kompetizzjoni bejn it-timijiet u l-kampjonat hu aktar interessanti. Meta nikkumparaw il-kampjonat Malti ma’ kampjonijiet barranin ukoll naraw li Malta jintlagħbu anqas logħob, jiġifieri dan il-format fil-fehma tiegħi huwa aħjar minn dak li kellna qabel. Hekk kif żdiedu n-numru ta’ klabbs fil-kampjonat Premier il-perjodu ta’ żmien bejn logħba u oħra naqas aktar u jien nemmen li dik hija xi ħaġa tajba ħafna kemm għall kampjonat kif ukoll għall-plejers.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Fil-quċċata tal-kampjonat tal-Premier insibu diversi klabbs li tista’ tgħid kull staġun jirnexxielhom iżommu posthom hemm, allura nemmen li dik il-konsistenza tgħin biex ftit jew wisq tara differenza fil-livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt. Meta t-timijiet isiefru u jilagħbu kontra timijiet ta’ livell għoli awtomatikament tgħin lill-plejers itejbu l-livell tagħhom ukoll. Fuq in-naħa l-oħra għalkemm jaf ikun hemm differenza fil-livell bejn iż-żewġ timijiet, kemm-il darba naraw timijiet li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u jagħtu logħba tajba jew saħansitra jieħdu l-punti massimi mat-timijiet ta’ fuq. 

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li

saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f’tim?

Din il-proposta li saret ta’ 11-il plejer barrani f’tim ta’ Premier hi ftit argumentattiva. Din jaf tkun pożittiva għall-kampjonat hekk kif taf ittejjeb il-livell ġenerali però jaf ukoll li l-barranin li jiġu jilagħbu Malta mhux dejjem ikunu ta’ livell għoli u jieħdu post plejers Maltin ta’ livell aħjar. Personalment dwar din il-proposta naħseb li tista’ tkun ta’ ġid u fl-istess ħin ma tkunx. Jaf tkun ta’ ġid għaliex jekk dejjem jinġiebu plejers barranin ta’ esperjenza u livell għoli, il-livell tal-kampjonat Premier se jitjieb. Dan filwaqt li jaf tkun ukoll negattiva għat-talent Malti, hekk kif forsi l-plejers Maltin ikollhom anqas ħin ta’ logħob, però għal darb’oħra din il-kompetizzjoni jaf ittejjeb ukoll il-livell tal-plejers.

 

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Fil-fehma tiegħi naħseb li iva hemm każijiet fejn il-barranin li jiġu mhux dejjem ikunu ta’ livell għoli aktar mil-livell tal-plejers Maltin. Insibu diversi barranin li huma ta’ kwalità, ta’ eżempju, u anke pedini importanti għat-tim, però dan mhux dejjem ikun il-każ. Jiġu wkoll barranin li ma jkunux ta’ livell u xi drabi ma jkollhomx dik il-ħeġġa fihom. Dan filwaqt li kemm-il darba rajna barranin li jiġu jagħmlu staġun u jitneħħew mill-klabb għax ma jkunux ta’ kwalità għolja. 

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?

Il-grawnds li nilagħbu fihom mhux kollha huma ta’ qagħda tajba. L-aqwa grawnd hu l-Istadium Nazzjonali f'Ta’ Qali għaliex jinżamm f’kundizzjoni tajba. Però, hemm grawnds fejn l-art mhix tajba biżżejjed, ma jxarrbuhomx, u ma jiħdux wisq ħsiebhom li jwasslu għal ħafna injuries. Madankollu l-grawnds fejn jintlagħab il-logħob, tnejn biss mhumiex artifiċjali, fejn jiena nemmen li għandu jkun hawn aktar.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Dwar il-kontroll tar-referis, naħseb li dan l-istaġun kien hemm ħafna deċiżjonijiet tajbin u l-logħob kienu kkontrollati tajjeb. Kien hemm ukoll xi partiti fejn saru żbalji, però wieħed irid jifhem ukoll li ma tintużax teknoloġija, allura xi deċiżjonijiet jafu jkunu ftit diffiċli biex jittieħdu. Il-bqija fuq nota ġenerali naħseb li kellhom staġun tajjeb.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Fil-fehma tiegħi plejer biex ikun tajjeb irid ikollu dedikazzjoni kbira għall-futbol, fejn jissagrifika ħafna mill-ħin tiegħu għat-taħriġ kemm fil-grawnd kif ukoll barra l-grawnd, sagrifiċċju fil-ħruġ, attitudni tajba waqt li wieħed għandu joqgħod attent dwar l-ikel li jiekol. Jiena nemmen li dawn huma sagrifiċċji li jagħmlu differenza bejn plejer u ieħor. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudju tiegħek u mal-futbol?

Ħafna mill-lekċers tal-Università jkunu filgħodu allura ma jkollix wisq problemi għall-futbol, però ġieli jkolli lekċers filgħaxija imma minn hawn u minn hemm xorta waħda jirnexxieli nlaħħaq mat-tnejn. Kemm l-istudju kif ukoll il-futbol huma importanti ħafna għalija u dejjem irnexxieli nżomm bilanċ tat-tnejn.

Fil-karriera tiegħi dejjem imxejt pass pass, b’hekk fil-futur nixtieq li kif jasal il-ħin opportun inkompli l-karriera tiegħi barra minn Malta

Tqis li fil-futur tissejjah mat-tim nazzjonali mmexxi mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia?

Li tilgħab għal pajjiżek huwa unur u bla dubju waħda mix-xewqat tiegħi hi dik li nilgħab mat-tim nazzjonali Malti. S’issa għadni ma kelliex din l-opportunità però jien qed naħdem u se nibqa' naħdem għaliex nemmen li fil-futur nissejjaħ mat-tim nazzjonali. Fil-ħajja trid tipprepara u tkun lest biex meta tasal l-opportunità teħodha.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Waħda mill-ħolmiet tiegħi hi li fil-futur jirnexxili nagħmilha barra minn Malta. Bħalma kien hawn diversi plejers Maltin li lagħbu barra minn Malta, jien it-tir tiegħi huwa li fil-futur nilgħab f’dak il-livell għoli. Fil-karriera tiegħi dejjem imxejt pass pass, b’hekk fil-futur nixtieq li kif jasal il-ħin opportun inkompli l-karriera tiegħi barra minn Malta.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Lil dawk it-tfal jew żagħżagħ li qegħdin jaqraw din l-intervista u jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol nixtieq ngħidilhom biex jibqgħu jaħdmu u jimmiraw għoli kemm jista’ jkun. Fil-karriera tal-futbol mhux kollox se jkun ward u żahar però trid tkun b’saħħtek u tibqa’ taħdem mingħajr ma taqta’ qalbek. Kull min kellu karriera ta’ suċċess kulħadd għadda minn ostakli differenti u għamel ħafna sagrifiċċji sabiex wasal fejn wasal. Jekk intom tridu li jkollkom karriera ta’ suċċess jien ngħidilhom aħdmu bis-serjetà, taqtgħux qalbkom u jirnexxielkom twettqu x-xewqa tagħkom.

Fil-karriera tal-futbol mhux kollox se jkun ward u żahar però trid tkun b’saħħtek u tibqa’ taħdem mingħajr ma taqta’ qalbek

More in Intervista