'Kuntent ħafna li se nkun parti mill-ewwel sena storika ta' Sirens FC fil-Premier'

Siraj Eddin Arab huwa talent żagħżugħ ta' Siren FC u li għandu l-għan ewlieni li permezz tal-wirjiet tiegħu u ta' sħabu, Sirens FC, iżommu posthom mal-elite tal-futbol Malti. 

Siraj Eddin Arab
Siraj Eddin Arab

Siraj Eddin Arab - talent żagħżugħ ta' Sirens FC u li għandu l-għan ewlieni li permezz tal-wirjiet tiegħu u ta' sħabu, Sirens FC, iżommu posthom mal-elite tal-futbol Malti jiġifieri fil-Kampjonat Premier għall-istaġun li ġej. Dan wara l-promozzjoni storika li kisbu għall-ewwel darba mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni għall-Kampjonat Premier matul l-istaġun li għadda.

Beda jilgħab il-futbol fin-nursery ta' Pembroke Athlet meta kien għad kellu biss seba' snin.

Ingħaqad ma' Sirens FC fil-ġimgħat li għaddew mingħand Tarxien Rainbows.

Fil-passat riċenti lagħab ukoll ma' Balzan u Ħamrun Spartans.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn meta kont għadni żgħir ħafna. Dejjem niġri wara l-ballun u nilgħab ma' ħija t-tewmi. Ta' seba' snin kont bdejt imbagħad fin-nursery ta' Pembroke Athleta. Minn hemm iltqajt ma' nies li kienu jagħmlu ħafna xogħol volontarju f’dan il-klabb u rajt kemm il-futbol jgħaqqad nies u ħbieb.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma' Sirens FC? 

Jidher li hemm proġett interessanti u kumitat magħqud. Ninsab kuntent ħafna li se nkun parti mill-ewwel sena storika tagħhom fil-Premier u persważ li se nkunu qed nagħtu logħba lil kulħadd. Xħin tkellimt mal-kowċ u l-kumitat kienet deċiżjoni faċli għalija li ningħaqad mat-tim minn San Pawl il-Baħar!

X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul l-aħħar staġun bħala Tarxien Rainbows?

Ovvjament jiena li mort f’Jannar kellna l-aspettattivi li nsalvaw kmieni u nispiċċaw stabbli f'nofs il-klassifika. Għalkemm kellna mumenti ta' diffikultà, salvajna mir-relegazzjoni u l-play-offs żewġ logħbiet qabel, waqt li rnexxielna naslu wkoll sal-kwarti-finali tal-FA Trophy kontra Balzan, tista' ssejjaħ dan l-istaġun sodisfaċenti. 

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Ngħidlek il-verità forsi qabel kont ngħid li idealment il-Premier f'Malta għandu jkun bi 12-il tim. Biss meta tara naqra kif il-kampjonat Malti ġie deċiż bit-timijiet tal-aħħar tliet postijiet li fl-aħħar logħbiet rebħu lil dawk li kienu qed jiġġieldu għall-kampjonat u jagħtu “finale” attraenti għall-kampjonat Malti, sirt nemmen li anke b’14-il tim, kampjonat Malti huwa addattat.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Differenza hemm kemm fil-livell, kif ukoll fil-mod kif klabb iġib ruħu u jipprova jagħti lill-plejers il-massimu tiegħu biex iħossuhom li huma qegħdin fi klabb ta' livell għoli. Fil-klabbs ta' fuq, tibda tara li jkollok physical trainer, goalkeeper's coach u physio u ġieli anke masseur kuljum waqt li fit-timijiet ta' taħt dawn diffiċli li jkunu miegħek kuljum u jkunu biss darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa minħabba raġunijiet finanzjarji jew affarijiet oħra.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Naqbel kieku biss il-Malti jiġi trattat daqs barrani. Taqta' żewġ jew tliet klabbs li forsi jistgħu jaffordjaw barranin ta' livell, għax mhux imbilli tgħid iġġib 11-il barrani mbagħad ma jkunux ta' livell, issib klabbs li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-pagamenti u jgħidulek li barrani ħa jitħallas l-ewwel eċċ. Il-Malti għandu jkun stmat daqs il-barrani. Apparti hekk jekk għandha tiżdied tal-barranin, għandhom isiru restrizzjonijiet ta' kemm il-barrani, klabb Malti jista' jġib biex b'hekk ikun jista' jħares long-term sakemm jgħaqqad il-kwota tal-barranin, u mhux ikollok 10 f'sena u ta' wara 10 oħra għax hemm tnaqqas il-konsistenza u tkun trid terġa' tibda mill-bidu.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Nemmen li qabel meta kienet barranin inqas, il-livell tal-barranin kien aktar għoli għax forsi paga ta' barrani li klabb ikollu f'moħħu li jonfoq ikun imqassam fuq tlieta u mhux fuq sebgħa jew tmienja. B'hekk issa forsi jkollok sebgħa jew aktar barranin, il-livell tagħhom jista' jkun inqas minn meta kellna tlieta jew erbgħa. Però, grazzi għal dawn il-barranin li ħafna minnhom jiġu b’moħħhom mimli li jkunu trattati ta' professjonali, il-livell fit-taħriġ kif ukoll fil-logħob ta' plejer Malti jitjieb ftit jew wisq.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?

B’Ta’ Qali grazzi għall-investiment li kien sar fit-turf, nemmen li għandna nkunu kuntenti li qed nilagħbu ġo grawnd bħal dak. Grazzi wkoll għall-Hibs Stadium li huwa l-alternattiva għal Ta' Qali u li għalkemm ma jkunx dejjem fl-aqwa stat huwa tajjeb ukoll biex tilgħab fuqu u tħossok ukoll viċin aktar tan-nies, għax ngħidu kollox Ta' Qali huwa ftit kbir wisq meta tara l-attendenzi Maltin u b'hekk nemmen li għandna forsi nżidu grawnd ieħor u jkollna tliet grawnds b'ħaxix naturali għal Malta. Għandna wkoll grawnd b'turf artifiċjali tas-Centenary Stadium li huwa turf tajjeb li ma jagħmilx ħażin lanqas li nilagħbu logħba jew tnejn fuqu. Nemmen biss li wasal iż-żmien forsi li l-Victor Tedesco Stadium jinbidel u forsi jingħata l-istess materjal ta' turf bħal dak tas-Centenary Stadium biex ikollna kull grawnd f'Malta eċċellenti.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Ifhem, f'kull rokna tad-dinja ssib referis li jagħmlu żbalji li ġieli jkunu favurik u ġieli kontrik. Forsi dis-sena ma kienx hemm biżżejjed konsistenza fir-refereeing fil-kampjonat Malti, biss nemmen li r-refereeing Malti jista' jimxi 'l quddiem.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Is-sagrifiċċji huma kbar. Trid dejjem iżżom moħħok determinat f'sitwazzjoniniet li ma tantx ikunu feliċi. Trid toqgħod lura minn ħruġ żejjed u toqgħod attent x'tiekol u dejjem tipprova żżomm il-livell tal-fitness tiegħek fil-massimu kemm jista' jkun. Għandek dejjem tieħdu bis-serjetà u ttih il-prijorità tiegħek biex timxi 'l quddiem.

Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Mhux dejjem jirnexxilek. Kont waqaft għal ċertu żmien mix-xogħol biex inkun nista' niffoka aktar fuq futbol. Biss issib ukoll nies li tkun qed taħdem magħhom u jifhmu s-sagrifiċċju tal-futbol u jħalluk ittih prijorità u tieħu dati li tixtieq u jkollok bżonn biex jarawk timxi 'l quddiem. Dawn in-nies ngħidilhom grazzi talli jgħinuni navvanza kemm fix-xogħol kif ukoll fil-futbol.

Tqis li fil-futur tissejjaħ mat-tim nazzjonali mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia?

Ifhem, kulħadd ikollu t-tir li jkun mgħajjat mat-tim nazzjonali. Ġejt mgħajjat tliet darbiet taħt żewġ kowċis differenti fejn il-kowċ Farrugia kien assistent. Waħda mir-raġunijiet għaliex mort ma' Tarxien Rainbows f'Jannar kienet biex nilgħab aktar regolari u jkolli ċans ikbar biex inkun mgħajjat man-nazzjonal. Għalkemm għadni ma tlajtx nemmen li tilgħab dejjem b'mod regolari ikollok aktar ċans fejn jarawk u tkun magħżul. B’hekk it-tir tiegħi huwa li issa li ngħaqadt ma' Sirens, inkun nista' nilgħab b'mod regolari biex ix-xewqa li nilgħab man-nazzjonal isseħħ.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. 

Messaġġ għal dawk it-tfal u żgħażagħ kif ukoll għan-neputi tiegħi Zach li dejjem ikun ħerqan jarani nilgħab, huwa li m'għandhom jaqtgħu qalbom qatt u jitfgħu moħħhom hemm. B'rieda u determinazzjoni nemmen li jkunu jistgħu jilagħbu fl-ogħla livell tal-futbol Malti, u għalhekk jekk veru jixtiequ jaslu, b'sagrifiċċju jirnexxielhom żgur!

More in Intervista