Kotba | Widien u Għerien

Daniel Cossai jimxi fil-kampanja Maltija ma’ Johann A. Briffa permezz tal-gwida tiegħu Country Walks in Malta (Midsea Books, 2023).  

Qiegħed il-Mosta nixrob iced coffee – jew kif inħobb insejjaħlu jien: kafè mselleġ. Hekk kif ir-rebbiegħa qed tavvanza ġmielha u s-sħana dejjem tiżdied, tkun tridha dik in-naqra xarba biex tiffriskak, speċjalment wara xi mixja tajba fil-kampanja. U proprju hekk għadni kif għamilt; għadni ġej minn Wied il-Għasel, post li naturalment kulħadd jaf bih bis-saħħa tal-famuż immaġinarju l-aħħar bidwi, iżda li kont ili ma nżuru minn xi ħmistax-il sena ilu. Mixja ta’ madwar sagħtejn li laqqgħetni mhux biss mal-meravilja arkitettonika tal-pont bl-arkati għoljin u mal-flora diversa tal-wied iżda wkoll ma’ diversi għerien, fosthom wieħed kważi tal-istejjer b’kappella f’ħalqu: il-kappella ta’ San Pawl Eremita, forsi fost l-iktar affaxxinanti fil-gżejjer tagħna. 

Għalkemm kont ili sew ma nersaq ’l hemm, ma kellix bżonn inħabbel wisq rasi biex noħroġ b’passiġġata mill-isbaħ, għax sibt kollox fil-ktieb ta‘ Johann A. Briffa, Country Walks in Malta (Midsea Books, 2023). Din il-pubblikazzjoni, li tiġbor u tissuġġerixxi 30 mixja fil-kampanja ta‘ Malta u Għawdex, ħarġet fi żmien fejn forsi qatt ma kien hawn iżjed bżonnha. Il-famuża ‘L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel’, li essenzjalment tesprimi d-diqa għall-firxa dejjem ikbar tal-ambjent urban u t-telf tal-ħajja rurali, kienet biss waħda mill-ewwel espressjonijiet ta‘ niket komuni fil-kuxjenza soċjali tal-lum, suġġett li n-nies spiss jitkellmu fuqu fil-ħajja ta‘ kuljum: il-bini sfrenat. Dan it-tħassib qed jidher ukoll fil-kelma miktuba, mill-poeżija – ‘Aqta’ Fjura u Ibni Kamra’ ta‘ Immanuel Mifsud – sal-proża – Kissirtu Kullimkien ta‘ Lara Calleja. Il-ktieb ta‘ Briffa nistħajlu bħal meta terġa’ toħroġ ix-xemx wara maltempata qalila: fid-dawl ta‘ dan it-tħassib ġust dwar fejn sejrin, joffrilna tama u tfakkira tas-sbuħija naturali ta‘ gżiritna; għalkemm meta tħares lejn il-mappa fil-bidu tal-ktieb li tindika fejn jinsab kull wieħed mill-postijiet, jew lejn il-werrej li jaqsam il-passiġġati skont ir-reġjun – Ċentrali, Tramuntana, Punent, Nofsinhar, u Għawdex, iżda xejn fil-Lvant jew il-Grigal – diffiċli ma tinnotax il-vojt fiż-żona urbana madwar il-portijiet fejn jgħixu l-biċċa l-kbira tan-nies. 

Il-mappa u t-tabella ta‘ magħha huma inklużjoni utli ħafna. Minn dawn iż-żewġ paġni, wieħed jista’ jsib ta‘ malajr it-tagħrif bażiku biex jagħżel liema mixja se jagħmel: il-postijiet u fejn qegħdin, id-distanza, jekk hemmx ħafna tlajja’, u bejn wieħed u ieħor kemm toħodlok ħin b’ritmu medju. Jingħata wkoll in-numru tal-paġna tal-mixja rispettiva biex wieħed isib id-dettall meħtieġ. 

U dan id-dettall ċertament li ma jonqosx. Briffa ħaseb tista’ tgħid f’kollox. Taħt l-isem, kull entrata għandha sentenza waħda li tiġbor fil-qosor x’se naraw f’dik il-mixja: għelieqi, għerien, bajjiet, irdumijiet, kappelli, monumenti, fdalijiet storiċi … Kemm taħseb f’dak li għandek aptit u ssib il-passiġġata ideali minn dawn is-sentenzi. 

Wara ssegwi tabella li tispjega, l-ewwel nett, minn fejn tibda l-mixja. Hawn żgur ħadd ma jista’ jitfixkel, għax Briffa jagħtina kemm ismijiet li wieħed jista’ jfittex fuq xi app tal-mapep, ngħidu aħna l-isem ta’ triq jew ta’ xi torri, kif ukoll il-kordinati ġeografiċi. Imbagħad, għal darb’oħra, id-distanza, l-elevazzjoni, u l-ħin meħtieġ. U taħt dawn insibu fejn tista’ tipparkja u xi ħaġa fuq it-terren, bħal jekk hix art imħarbta jew trejqiet fil-kampanja. Kull entrata għandha wkoll mappa tal-mixja sħiħa, kompleta b’kodiċi QR li jekk tiskennjah, itellagħlek il-punt minn fejn tibda fuq il-mappa tal-mobile. 

Il-bqija ta’ kull entrata tikkonsisti f’direzzjonijiet pass pass ta’ kif għandek tgħaddi u, bejn wieħed u ieħor, x’se tara. Hemm ukoll xi ritratti (taf int, l-ewwel ma tolqot l-għajn!) meħudin mill-awtur stess li tassew iħajruk, speċjalment dawk tal-baħar. Uħud minn dawn ir-ritratti jagħtu wkoll informazzjoni interessanti dwar xi affarijiet li se tiltaqa’ magħhom tul il-mixja. Ngħidu aħna, jien tgħallimt li dik il-kappella li ltqajt magħha f’Wied il-Għasel inbniet f’għar fejn, skont il-leġġenda, kien jgħix eremita li kien iċanfar lin-nies tal-madwar għall-ħażen li kienu qegħdin jgħixu fih. Dawn tant għajruh li l-eremita spiċċa ħalla ’l Malta u bassar li kienet se ġġarrab numru ta’ diżastri. Xi raħħala, imbeżżgħa u mimlijin indiema, bnew kappella fl-għar fejn kien jgħix biex forsi jeħilsuha ħafif bil-barka t’hemm fuq. 

Il-mixjiet huma ppreżentati f’ordni li tagħmel sens ġeografikament, ħalli min jixtieq jgħaqqad iktar minn waħda jkun jista’ faċilment. Barra minn hekk kull mixja hija ċirkolari, jiġifieri m’hemmx problemi biex terġa’ ssib ruħek fejn il-karozza. 

Mad-daqqa t’għajn dan il-ktieb forsi jidher li hu mmirat lejn il-barrani. Forsi jkun hawn min jaħseb li f’pajjiż tant żgħir, xjista’ jgħidilna li qatt ma smajna? Hemm ħafna. Briffa stess jikteb li l-idea wara l-ktieb ġiet għax ħass li kien hemm nuqqas ta‘ riżorsi u gwidi dwar is-suġġett meta mar ifittixhom, bħala Malti. L-udjenza f’moħħu jidher li hi primarjament Maltija, u l-ktieb ir-riżultat ta‘ xewqa li jqajjem kuxjenza fost in-nies tas-sbuħija li għad hawn f’pajjiżhom. Hawnhekk jirnexxi, speċjalment, inħoss, għax jesplora l-wirt uman ukoll, mhux biss dak naturali. 

Huwa gwida mill-aħjar. Taqrah biss ukoll tieħu gost, aħseb u ara jekk tgħix il-ktieb fil-prattika u tipprova dawn il-mixjiet, li faċilment joħdulek iktar minn nofs sena anki jekk tagħmel waħda fil-ġimgħa. 

More in Arti