Kotba | Avventura intriganti: Kurjużi tiskopruha?

Elena Cardona tegħlibha l-kurżità u taqra l-ewwel ktieb mis-sensiela Kuġini Kurjużi: L-Għar Moħbi taħt l-Irdum, miktub minn Michael Cini u illustrat minn Francesca Grech (Merlin Publishers, 2024)

Fi stħarriġ fi Frar li għadda, ikkummissjonat miċ-Ċentru għall-Ilsien Malti, ħareġ li 53.4% tat-tfal јippreferu јaqraw bl-Ingliż milli bil-Malti. Huma biss 5% tat-tfal li јagħżlu l-Malti bħala l-lingwa preferuta għall-qari tagħhom. Dan jirrifletti sondaġġ ieħor li sar ix-xahar ta’ qabel dwar il-lingwa materna, fejn kwart mit-tfal Maltin taħt l-għaxar snin iqisu l-Ingliż bħala l-ewwel lingwa tagħhom. Dan ifisser li l-lingwa Maltija, li meta kont żgħira kienet għalija l-lingwa materna – u għadha hekk sal-lum – issa m’għadhiex għal ħafna tfal. Il-Malti spiċċa sab ruħu f’sitwazzjoni mwiegħra għaliex qiegħed f’battalja kontinwa mal-Ingliż, daqslikieku bejn dawn iż-żewġ lingwi trid tirbaħ l-iktar waħda ġusta u bżonjuża. Li jkollok żewġ lingwi meqjusa bħala uffiċjali huwa ta’ benefiċċju kbir għall-pajjiż u għal dawk kollha li jgħixu fih, iżda l-ebda lingwa m’għandha tkun ta’ detriment għall-oħra.  

Kien propju minħabba l-fatt li l-Malti qiegħed jaffaċċja dawn l-isfidi, kemm bħala lingwa mitkellma u miktuba, li Michael Cini ddeċieda li jsensel sensiela ta’ kotba ta’ avventuri  u misteri għat-tfal. Cini, aktar magħruf għar-rumanzi tiegħu għall-kbar (pubblikazzjonijiet Horizons), għadu kemm ħareġ l-ewwel ktieb mis-sensiela, bl-isem ta’ Kuġini Kurjużi: L-Għar Moħbi taħt l-Irdum, pubblikazzjoni Merlin Publishers (2024). Jistqarr li l-marki tal-istudenti dejjem jonqsu fl-eżamijiet tal-Malti wassal biex il-Malti jmur lura u b’hekk ibati. Ikompli jsostni li hi sitwazzjoni tal-biki u tal-mistħija li t-tfal Maltin qegħdin jitkellmu bl-Ingliż biss. Barra minn hekk, jinsisti li dan kollu huwa rifless fil-kitba tat-tfal, li hi waħda fqira peress li mhumiex kapaċi jesprimu lilhom infushom minħabba n-nuqqas ta’ qari. Għalhekk ħass li kien wasal iż-żmien li anke hu jagħti l-kontribut tiegħu fix-xena letterarja tat-tfal billi jikteb sensiela ta’ avventuri li għandhom iħajru lit-tfal jaqraw bil-Malti u eventwalment dawn jibdew jużawh b’mod tajjeb kemm fit-taħdit, kif ukoll fil-kitba.  

Għoġbitni immens in-nota tal-awtur li wieħed isib fl-aħħar tar-rakkont. Michael Cini, b’sempliċità jesprimi l-ħsibijiet sinċieri tiegħu dwar l-avventura tiegħu fil-kotba tat-tfal. Jgħid li dawn il-kotba huma “avventuri eċitanti li bla dubju, iqajmu fija fantasija u immaġinazzjoni ... kif nittama li se jqajmu fik ukoll”. Cini jżid li l-avventuri “dejjem affaxxinawni u qajmu fija eċitament kbir”, anke għall-fatt li meta hu kien żgħir kien imdawwar b’kotba ta’ avventuri ta’ Enid Blyton u Trevor Żahra. Hija biċċa xogħol impenjattiva għal awtur li jikteb sensiela ta’ kotba peress li jrid ikun hemm ċerta konsistenza u koerenza minn ktieb għall-ieħor, ngħidu aħna bħall-karattri ewlenin. Il-protagonisti f’din is-sensiela ġdida fjamanta huma l-erba’ kuġini Emma, Thomas, Lisa u James. Lisa kienet il-kbira fosthom u kellha erbatax-il sena. James, ħuha, kellu tlettax-il sena u kien daqs il-kuġini tiegħu Thomas. Emma kienet l-iżgħar fosthom – kellha biss tnax u peress li kienet kemxejn qsajra kienet tispiċċa vittma tal-inkejja tagħhom.  

F’dan l-ewwel ktieb, il-qarrejja jsiru jafu aktar kif dawn il-kuġini jqattgħu s-sajf tagħhom għand in-nanniet f’San Pawl il-Baħar, ’il bogħod mill-irħula “kbar maħnuqin bin-nies u d-djar ġo xulxin fl-inħawi taċ-ċentru ta’ Malta”. Hemmhekk jgħaddu sajf mill-isbaħ, ibda mill-ikel abbundanti u delizzjuż li kienet tlestilhom in-nanna Stella, u spiċċa fl-iljieli twal li kienu jgħaddu mal-klabbs tal-waterpolo, il-ħbieb tagħhom jew fuq il-kamra f’tarf l-irdum. Kien sajf maġiku għal dawn l-erba’ kuġini. Propju f’“dik il-kamra mdaqqsa f’tarf l-irdum” li tibda l-avventura tal-kuġini kurjużi. Din il-kamra kienu ilhom ħafna jisimgħu fuqha, għax fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, in-nannu Joey kien stazzjonat hawnhekk ma’ diversi suldati sħabu. Meta kienu jaraw l-għadu riesaq, huma dlonk kienu jattakkaw. Iżda l-avventura tal-kuġini kurjużi hija ferm differenti. X’attività tkun qiegħda tiġri f’din il-kamra? Kif jidħol fl-istorja l-għar moħbi taħt l-irdum, li għalih imsemmi dan il-ktieb? Min huma Lonzu t-Tuta u Żeppi l-Boqxiex? Xi rwol għandu l-qamar f’din l-avventura kollha? 

Xħin kont qiegħda naqra dan il-ktieb inħkimt minn element nostalġiku għas-sjuf li bħall-kuġini kurjużi jien għaddejt mal-kuġini tiegħi għand in-nanniet. Kienu żminijiet differenti mit-tfulija li qegħdin jgħixu t-tfal u l-adolexxenti t’issa ’l bogħod mit-tablets u t-televixin u mimli xemx, baħar u melħ jitbaskat fuq il-ġilda. Ir-rakkonti tan-nanniet dwar it-Tieni Gwerra Dinjija qatt ma naqsu wkoll. Kienu rakkonti dwar is-sigħat twal ġox-xelters, il-logħob fil-wied u l-ħin li kienu jgħaddu jistaħbew waqt l-attakki mill-ajru u l-faqar li kien hawn wara l-gwerra. In-nofstanharijiet sajfin kienu mżewqin mit-tqarmiċ tad-dulliegħ u mill-ħlewwa tal-ħawħ. Dan il-ktieb, li hu mmirat għat-tfal bejn id-disa’ u l-erbatax-il sena, nemmen li se jdaħħal il-qarrejja ġo dinja li forsi mhumiex daqshekk familjari magħha, jgħinhom japprezzaw aktar lil dawk qrib tagħhom bħan-nanniet u l-kuġini, waqt li jesperjenzaw is-sbuħija tal-Malti idjomatiku ta’ Cini u l-illustrazzjonijiet dettaljati ta’ Francesca Grech. 

L-awtur jispiċċa l-ktieb b’wegħda li se jkollna f’idejna t-tieni avventura tal-kuġini Emma, Thomas, Lisa u James dwar is-sajf li jmiss tagħhom. Jista’ jkun li jkollna avventura oħra, ħafna iktar qabel. Min jistenna jithenna u mhux jitherra f’dan il-każ, għax persważa li l-istennija għat-tieni ktieb tal-avventuri tal-kuġini kurjużi hija waħda f’postha u li se tissarraf f’qari pjaċevoli, entużjażmu u fuq kollox Malti tajjeb. 

More in Arti