Kotba | 'L-ilsien Malti qed ibati'

Patrick Sammut jitkellem ma’ Carmel G. Cauchi – edukatur, reliġjuż u kittieb – dwar l-awtobijografija tiegħu Fil-Keffa tal-Miżien (BDL Publishing, 2023)

Patrick Sammut: Għaliex il-kitba tal-awtobijografija?  

Carmel G. Cauchi: Il-ħsieb tal-kitba tal-awtobijografija qatt ma kien għadda minn moħħi, għax jien ma ngħoddx ruħi bħala xi persuna prominenti fix-xenarju Malti li għandi xi storja importanti dwari nnifsi x’nirrakkonta. Il-ħsieb beda jleħħ f’moħħi wara li fl-2011 ippubblikajt Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti. Dan kont bdejt niktbu f’puntati għar-rivista Xehda Għasel li kienet toħroġ għat-tfal mis-Soċjetà MUSEUM. Il-ħsieb tiegħi kien li nuri lit-tfal tal-lum kif kienet it-tfulija tagħna fis-snin ħamsin u l-bidu tas-sittin. Imma bdew jinteressaw ruħom fihom aktar il-kbar milli t-tfal. Kienu jgħiduli kemm jieħdu gost jaqrawhom u kemm nostalġija kienu qegħdin inisslu fihom. U meta għalaqt is-sensiela bl-impjieg tiegħi bħala għalliem fl-1962, u dammejthom fi ktieb, bdew iħeġġuni biex inkompli r-rakkonti bħala t-tieni parti tal-awtobijografija minn dakinhar ’l hawn. U l-insistenza tagħhom wasslitni biex nikkuntentahom. 

PS: Kif tvarja din it-tieni awtobijografija tiegħek mill-ewwel waħda, Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti? X’hemm inqas u x’hemm iktar? 

CGC: F’Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti r-rakkonti huma x’aktarx maħlula minn xulxin, mingħajr kronoloġija, miktubin bla ppjanar, hekk kif ġew f’moħħi. Fil-Keffa tal-Miżien il-kitba hi aktar ordinata, u l-fatti huma rrakkuntati b’mod kronoloġiku, f’ħafna mill-każi anki bid-dati. 

PS: Kif jingħaqdu flimkien fik il-Mużewmin, l-għalliem u l-kittieb? U kif jidhru dawn it-tliet elementi fil-kitba tiegħek inġenerali? 

CGC: Dawn huma tliet aspetti tal-personalità tiegħi. Tliet naħat tal-istess trianglu. Tliet toroq paralleli li mxejthom flimkien bla ma waħda fixklet lill-oħra. Imma naħseb li l-kittieb ġie influwenzat mit-tnejn l-oħra. Bħala għalliem tal-primarja drajt nikteb b’mod sempliċi li jinftiehem mill-ewwel, u bħala Mużewmin niddarras nuża kliem vulgari u niddeskrivi xeni spinti f’kitbieti. 

PS: Kemm hu importanti l-istudju tal-letteratura fost l-istudenti tal-Primarja u tas-Sekondarja? U kemm hi importanti li l-istudenti tagħna jitgħallmu jaqraw u jiktbu bi lsien art twelidna, iktar u iktar fi żmien meta n-numru ta’ barranin qed jiżdied drastikament? 

CGC: Nemmen li kemm fil-primarja, kif ukoll fis-sekondarja, it-tfal għandhom jitwasslu biex isiru midħla tal-letteratura, dejjem għal dik adattata għall-età tagħhom. Fi tfuliti kien ikollna biss letteratura bl-Ingliż, bħal dik ta’ Enid Blyton bil-Findouters, is-Secret Seven, il-Famous Five u l-bqija, imma llum għandna bosta kotba bil-Malti ppubblikati kull sena, bi stili u suġġetti differenti. Għalhekk l-istudenti tagħna jsibu ħafna x’jaqraw bil-Malti. Fil-klassijiet għoljin tas-sekondarja hu xieraq u f’postu wkoll li l-istudenti jibdew isiru midħla tax-xogħlijiet letterarji ta’ kittieba li ġew qabilna. 

Huwa għajb għalina li, skont statistika reċenti, persentaġġ qawwi ta’ tfal u żgħażagħ Maltin jistqarru li l-ilsien ewlieni tagħhom huwa l-Ingliż. Huwa importanti ħafna li l-istudenti Maltin ikunu jafu jaqraw u jiktbu sew bil-Malti għax jekk le jkunu qegħdin iħaffru l-qabar għal ilsien art twelidna. 

PS: F’dan il-ktieb tispikka wkoll l-umiltà fil-karattru tiegħek. Kemm għenet din matul ħajtek bħala edukatur, reliġjuż u anki kittieb? 

CGC: Jien dejjem emmint li jekk hemm fija xi kwalitajiet tajba, dawn huma doni t’Alla. Hekk jgħallem San Pawl, “X’għandek int li ma qlajtux? U jekk qlajtu għaliex tiftaħar bih bħallikieku ma qlajtux?” (1Kor 4,7) Dejjem żammejt saqajja mal-art u qatt ma neffaħt rasi. Bħala edukatur, reliġjuż u kittieb dejjem kont konxju tan-nuqqasijiet tiegħi u dejjem kont lest li nitgħallem. Dejjem ilqajt is-suġġerimenti ġenwini u apprezzajt il-kritika kostruttiva. B’hekk, fit-tliet każi, għamilt progress sostanzjali mindu bdejt sal-lum. 

PS: Paġna interessanti u ħajja hija dik li tiddedika lil San Ġorġ Preca bl-umanità kollha tiegħu. X’marka ħalla fuqek bniedem bħal dan? 

CGC: Jien trabbejt minn ċkuniti fis-Soċjetà tal-Museum imwaqqfa minn San Ġorġ Preca, u t-tagħlim tiegħu, flimkien mal-persuni li ltqajt magħhom f’din is-Soċjetà, sawru fija l-karattru tiegħi. Ħafna minn dak li naf u dak li jien nattribwih lilu. Żgur li l-personalità tiegħi kienet tkun ta’ xejra oħra li kieku ma kontx membru fis-Soċjetà mwaqqfa minnu. 

PS: Inti tikteb dwar ix-xogħol tal-għalliem bħala professjoni u vokazzjoni. Hemm differenza bejn li tkun għalliem u li tkun edukatur? Taħseb li l-għalliema b’vokazzjoni llum żdiedu jew naqsu? Għaliex? 

CGC: Nemmen li edukatur huwa xi ħaġa iktar minn għalliem. Edukatur ma jgħaddix lill-istudenti tiegħu tagħrif biss imma wkoll valuri. Nemmen fil-prinċipju: “Transmission of knowledge does not necessarily lead to transformation of habits.” Jekk l-għalliema b’vokazzjoni llum naqsux jew żdidux ma nistax ngħid għax issa ili 19-il sena li rtirajt minn din il-professjoni u allura tlift il-kuntatt. Imma nifhem li llum saret iktar diffiċli għall-għalliema minħabba l-għadd kbir ta’ tfal barranin li qed ikollhom fil-klassijiet tagħhom. Ma nista’ ngħid xejn dwar it-trasmissjoni tal-valuri, imma nemmen li l-ilsien Malti qed ibati. Għal dawn l-aħħar snin kont, u għadni, qed inħejji żewġ klassijiet ta’ tfal  ta’ seba’ snin għall-Ewwel Tqarbina.  U jiddispjaċini ngħid li nsibha diffiċli li nikkomunika magħhom bil-Malti. Jippreferu jikkomunikaw bl-Ingliż għax dan hu l-iktar ilsien li jisimgħu. Ma rridx innaqqas il-mertu tal-għalliema għax nifhem is-sitwazzjoni fi klassijiet imħallta b’tant nazzjonalitajiet differenti. Imma ninsisti mat-tfal li l-Museum jitkellmu bil-Malti u nitlob lill-ġenituri biex id-dar jagħmlu l-istess. U nħossni sodisfatt li dan l-isforz tiegħi qed iħalli l-frott, għalkemm mhux daqskemm nixtieq. 

L-awtur bagħatli kopja tal-ktieb biex nirreċensah b’mod onest. 

More in Arti