Innaqqxu t-tfulija ta' ġo fina

'Tkun tal-ġenn li naraw kif l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tgħinna nqassmu xogħolna aħjar, milli kif se tieħu post l-immaġinazzjoni jew jisirqilna l-arti'

Karen Harte
Karen Harte

Karen Harte hija illustratriċi għat-tfal u l-mistiedna speċjali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, li se tipparteċipa f’żewġ attivitajiet biex tispira u timmotiva lill-artisti li se jisimgħu l-istorja tal-karriera tagħha. F’din l-intervista esklussiva tkellimna dwar ir-realtajiet tal-industrija tal-illustrazzjoni u dwar xi jżomm l-ispirazzjoni tagħha mixgħula l-ħin kollu għal proġetti ġodda. 

Bosta illustraturi rreġistraw għall-workshop tiegħek waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus! X’qed jistennew mingħandek? 
Ħerqana immens li niltaqa’ magħhom! Se nitkellem dwar l-isfond tiegħi u t-traġitti li ħadt, u l-kollaborazzjonijiet u l-ħiliet meħtieġa għal ktieb tat-tfal illustrat tajjeb. Ma jonqsux xi pariri importanti u, fuq kollox, lehmiet li jistgħu jieħdu magħhom id-dar! 

X’pariri tagħti lil dawk l-illustraturi żgħażagħ li jixtiequ jibdew karriera fl-illustrazzjoni? 

Ippromovu xogħolkom u tkellmu ma’ ħaddieħor kemm jista’ jkun. Dan isir waqt attivitajiet tal-industrija, fi swieq differenti, lezzjonijiet jew avvenimenti oħra simili. Ibnu l-portafoll tagħkom bi proġetti li jitwieldu mill-passjoni u li tkunu bdejtuhom intom, u agħrfu fejn tridu taslu minn kmieni. 

X’ispirak tagħżel dil-karriera? L-industrija tal-kotba fl-Irlanda tagħtik spazju timraħ, tiżviluppa u finalment tgħix minn fuq l-illustrazzjonijiet? 

Minn dejjem ħabbejt inpinġi u kienet il-ħolma ta’ ħajti li nillustra l-kotba tat-tfal. L-isfond tiegħi huwa fl-animazzjoni u d-disinn grafiku, allura għal bosta snin l-illustrazzjoni ma kinitx it-tir ewlieni ta’ ħajti. Din karriera li bnejt fuq medda ta’ snin li fiha kabbart ħilieti u saħħaħt il-kunfidenza. Kważi kull min naf li jaħdem fl-illustrazzjoni għall-kotba jaqla’ l-għejxien tiegħu minn illustrazzjonijiet ta’ tipi differenti, fosthom id-disinn, il-kummissjonijiet, l-organizzazzjoni ta’ workshops, u aktar. Għaraft li importanti li d-dħul tiegħek bħala artist jiġi minn imkejjen varji. 

Ġeneralment it-tfal għandhom immaġinazzjoni għammiela. Kif timmassimizza dan f’xogħlok? 

Tgħinni qatigħ il-fakra f’mumenti speċjali jew eċitanti minn tfuliti. Kont nogħxa bil-kotba illustrati b’ċertu dettall li jistidnuk issib affarijiet moħbija fl-istampi. Għandi tifel ta’ 4 snin u jgħinni sew interraq lura fil-memorja: għandu immaġinazzjoni fertili u jħobb jilgħab logħob differenti mimli stħajjil. 

Xi ħaġa li ma ssirx Malta hi li fl-Irlanda jippremjaw awtur jew illustratur bil-Lawreat tat-Tfal kull sentejn. Kemm hu importanti dan l-irwol fil-komunità tal-kotba sabiex isawwar tfal żgħar f’qarrejja? 
Dan l-aħħar qattajt xi ħin man-Na nÓg* Lawreata tagħna, Patricia Forde, waqt irtir artistiku u kienet esperjenza tal-ġenn. Nemmen li meta jkollok lil xi ħadd bi kreattività kbira, esperjenza u entużjażmu bħala figura nazzjonali għal-letteratura tat-tfal, din tkun stqarrija potenti immens u sseddaq il-messaġġ lit-tfal li l-qari hu vitali għall-ħajja. 

*Na nÓg huwa l-isem tal-Lawreat tat-Tfal bl-Irlandiż.   

X’taħseb dwar l-użu dejjem akbar tal-Intelliġenza Artifiċjali fix-xbihat u l-immaġni? ’Il fejn sejjer il-futur tal-illustrazzjonijiet fil-kotba tat-tfal? 
L-immaġni ġġenerati bl-Intelliġenza Artifiċjali (IA) qed iħassbu lil bosta artisti, speċjalment fejn jidħlu d-drittijiet etiċi tal-ikkupjar u l-element leġiżlattiv. Meta nara gazzetti internazzjonali jużaw xbihat maħluqa mill-IA biex jużawhom mal-editorjali tagħhom, inkella nies jistaqsu online lill-illustraturi dwar l-istil tagħhom biex imbagħad idaħħluha fil-programm tal-IA u jiġġeneraw xbieha huma … dan kollu jqabbadni diqa dipressiva. Tkun tal-ġenn kieku l-IA tintuża biex tqassmilna xogħolna aħjar, milli tieħu post l-immaġinazzjoni jew tisraq xogħol artistiku kkreat minn ħaddieħor. 

Karen Harte se tieħu sehem f’żewġ attivitajiet waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2024. Fl-20 ta’ Marzu fl-10am tmexxi l-workshop ‘Working in Book Publishing as an Illustrator’. Trid tirreġistra għal din l-attività billi tibgħat email b’ismek u n-numru tal-Karta tal-Identità lil [email protected]

Harte se tieħu sehem ukoll fid-diskussjoni madwar mejda ‘Becoming a Children’s Book Illustrator’ fil-21 ta’ Marzu fl-10am. Il-parteċipazzjoni ta’ Karen Harte hija sponsorizzata parzjalment mill-Ambaxxata Irlandiża f’Malta.  

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u se jseħħ bejn l-Erbgħa 20 u l-Ġimgħa 22 ta’ Marzu fil-Kwadranglu tal-Università. Niżżel il-programm tal-attivitajiet minn hawnhekk, inkella segwi l-paġna Facebook ta’ Kampus Kotba 2024

More in Arti