KOTBA| L-ewwel Poeta Lawreata ta’ Malta: kienet suċċess?

Daniel Cossai jgħid tiegħu dwar il-mertu tal-poeżiji miġbura f’The Bell (Kotba Calleja, 2023) ta’ Maria Grech Ganado vis-à-vis l-obbligu tal-Poeta Lawreat li jitkellem f’isem in-nazzjon

Minn dejjem deherli li qalb il-kittieba Maltin, il-poeżija tokkupa post ċentrali. Nemmen li l-biċċa l-kbira tal-awturi xi darba jew oħra ppruvaw iħarbxu l-vrus jew ippubblikaw poeżiji. Din interessanti għaliex donnha ħaġa speċifika għall-kultura letterarja tagħna. Bħala medja, nemmen li naqraw u niktbu l-poeżiji ħafna iżjed min-nies ta’  bosta kulturi – u lingwi – oħra. 

Forsi r-raġuni hi li għal ħafna żmien is-sillabu tal-Livell Ordinarju tal-Malti kien iddominat mill-poeżiji. Kellem lil ġenerazzjoni wara oħra dwar żmienhom l-iskola u x’aktarx waħda mill-memorji li tissemma l-iżjed tkun il-poeżija ta’ Dun Karm, Rużar Briffa, Mario Azzopardi u oħrajn. Jispikka f’dan il-kuntest li minkejja l-għadd kbir ta’ poetessi kontemporanji, is-sillabu kien iddominat minn xogħlijiet qodma miktubin mill-irġiel. 

Waħda mill-ftit eċċezzjonijiet kienet Maria Grech Ganado. B’dan il-fokus fuq il-poeżija u n-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa, kien xieraq li ftit snin ilu Malta ħolqot il-kariga ta’ Poeta Lawreat u li l-ewwel persuna li ngħatat dan it-titlu kienet propju Grech Ganado. 

Grech Ganado ma teħtieġ l-ebda introduzzjoni. Rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Poeżija erba’ darbiet. Fl-2023 ingħatat Dottorat Honoris Causa mill-Università ta’ Malta għall-kontribut tagħha għal-letteratura Maltija. Ilha taqra l-poeżiji f’attivitajiet pubbliċi snin twal u hija maħbuba minn kulħadd fil-komunità – kważi kważi qisha n-nanna tal-awturi kollha Maltin, għalkemm il-poeżija tagħha, ġeneralment, dejjem baqgħet tinħass żagħżugħa. Tikteb bil-Malti u bl-Ingliż u kif diġà għedt għamlet żmien twil fis-sillabu nazzjonali, u kien propju f’dan il-kuntest li ltqajt ma’ xogħolha l-ewwel darba. Dak iż-żmien saħħarni. Niftakar partikolarment il-poeżija “Dmugħ”, li wrietni għall-ewwel darba, wara snin naqra poeżiji qodma, kif il-poeżija kapaċi tirrifletti l-esperjenzi li ngħixu llum. 

Din ir-reputazzjoni impekkabbli wasslet biex kważi fforma kult tal-personalità madwar Grech Ganado, u din, irrid ngħid, mhix ħaġa tajba. Huwa f’dan l-isfond li qed nikteb din ir-reċensjoni diffiċli dwar l-aħħar ġabra tagħha, The Bell (Kotba Calleja, 2023), l-unika waħda li ħarġet kemm damet Poeta Lawreata. Dan il-punt irrid nenfasizzah: għall-kuntrarju ta’ kulma ppubblikat fil-passat, din ma kinitx ġabra miktuba biss minn “Maria Grech Ganado l-Individwa” iżda waħda miktuba minn “Maria Grech Ganado l-Poeta Lawreata”. 

Ħa nkun onest mill-bidu: inqisha ġabra medjokri. Forsi frott l-obbligu li kellha toħroġ ġabra bħala Poeta Lawreata li forsi ma kellhiex iż-żmien għall-irfinar li kellhom l-oħrajn, forsi frott ċerta kompjaċenza b’riżultat tal-kult tal-personalità li semmejt, jew forsi sempliċement diffikultà biex tesprimi xi ħaġa ġdida – tema li, fil-fatt, tidher f’bosta poeżiji: “there’s nothing to say / … / just metaphors, sure, but how was it for you / when world orders fell and a freshly turned knell / rang in the new?” Wara tant snin tikteb, x’jifdal ġdid x’jingħad? 

Imma filwaqt li anki fuq il-mertu tagħhom il-poeżiji ma sibthomx kommoventi, f’għajnejja huma agħar għall-fatt li l-ġabra ma laħqitx dak li nistenna mill-unika pubblikazzjoni bħala Poeta Lawreata. Huma poeżiji personali għall-aħħar, tant li hemm minnhom iddedikati lit-tfal tagħha u lil persuni għeżież li ħallewna. Filwaqt li normalment m’hemm xejn ħażin fil-personali, inħoss – anzi, nippretendi – li l-Poeta Lawreata tirrifletti l-polz tal-poplu, mhux dak purament personali. 

 

Hawnhekk ippermettuli naqbeż fuq l-iżjed ħaġa bażika, l-għażla tal-lingwa. Huwa minnu li Malta għandha żewġ lingwi uffiċjali u l-għażla tal-lingwa tinvolvi implikazzjonijiet, imma madankollu jiddispjaċini li Grech Ganado, bħala poetessa li ppubblikat biż-żewġ lingwi, għażlet li l-ġabra li ħarġet waqt li kienet qed tokkupa din il-kariga tiktibha bl-Ingliż. Qiegħed naqbad ma’ dan il-punt għax il-lingwa hi parti essenzjali mill-identità, mir-riflessjoni ta’ polz il-poplu, u fid-dawl tal-kitba bl-Ingliż u t-temi personali nħoss li ma fadal kważi xejn f’dawn il-vrus li jġiegħlek tgħid: iva, din Malta! Din kitbitha Maltija! 

Jekk hemm ħaġa waħda Maltija f’dan kollu, insibuha fil-poeżija titulari: “The Bell”. Il-ħoss tal-qniepen nikkunsidrah wieħed mit-tliet ħsejjes li malli tismagħhom ifakkruk f’Malta, flimkien mal-ħoss tal-mewġ u tal-banda. F’Malta, il-qniepen iħabbru l-ħin, il-bidu tal-jum. Iħabbru affarijiet sbieħ bħaż-żwieġ. U jħabbru wkoll il-mewt. Dawn it-temi kollha nsibuhom, b’xi mod jew ieħor fil-ġabra, imma nsibha diffiċli ngħid li hemm xi forma ta’ qabża mill-esperjenza personali għal xi ħaġa intrinsikament Maltija. Pjuttost ngħid li jiddomina s-sens ta’ klixè, speċjalment fil-poeżiji dwar l-imħabba, kemm pożittiva kif ukoll f’sens ta’ tradiment. L-espressjoni, imbagħad, xotta wisq. Ma tispirakx. Dawn iżjed insejħilhom vrus milli poeżiji; is-sens poetiku, fil-biċċa l-kbira tal-paġni, ma jeżistix. 

Forsi tista’ targumenta li l-polz nazzjonali huwa rifless b’mod indirett. Meta għandna poeżiji dwar is-sens ta’ qerda, u speċjalment dwar in-nuqqas ta’ kliem, dawn mhumiex sentimenti li jħossu ħafna Maltin llum, li m’għadx fadlilhom kliem biex jesprimu n-niket li jħossu b’dak li jaraw madwarhom u jħossuhom li ma jistgħux jgħinu ruħhom? Imma hawnhekk, biex nuża d-distinzjoni utli ta’ Umberto Eco, inħoss li nkunu qed “nużaw” il-poeżiji, jiġifieri nħallu moħħna jiġri bina, iktar milli “ninterpretawhom”, noħorġu s-sugu ta’ dak li verament hemm fit-test. Bl-eċċezzjoni tal-poeżija ‘Arms’, ma narax li dawn il-poeżiji jagħmlu xi forma ta’ sforz biex jorbtu mal-qagħda nazzjonali. 

Qiegħed nippretendi wisq? Ma naħsibx. Ir-reputazzjoni u l-premji ta’ Grech Ganado jitkellmu għalihom u xejn minn dan li ktibt ma jnaqqas il-mertu mistħoqq passat. Huwa proprju għax naf il-kapaċità tagħha li din il-ġabra ddiżappuntatni tant. L-introduzzjoni tal-Poeta Lawreat kienet pass tajjeb għal-letteratura Maltija imma issa sta għalina li dak it-titlu jżomm il-preġju li jistħoqqlu. L-istandard li nistennew irid ikun ogħla. Ferm ogħla. 

More in Arti