Terramaxka tal-Melodiji jew tal-Kotba?

Elena Cardona tiskopri l-Premju Terramaxka 2023, b’ħarsa lejn Luċjan u Enzo: Is-Sriedak li Kienu Jgħiru għal Xulxin

It-terramaxka, strument mużikali antik, li kien popolari ħafna fis-seklu 19, saret xi ħaġa rari li wieħed jara fit-toroq tagħna. Din kienet qisha orgni mdendla m’għonq dak li jdoqqha, waqt li kienet tistrieħ fuq arblu żgħir. Madanakollu, hemm diversi għamliet ta’ terramaxki fosthom waħda kbira li kienet miġbuda minn ħmar jew minn sid it-terramaxka. Ħafna drabi kienet tkun imżejna bi bnadar u statwetti tal-injam. It-terramaxka kont issibha fil-festi u fil-Karnival. Minkejja l-popolarità kbira tat-terramaxka, ftit li xejn għadek issib minnhom illum il-ġurnata għax dawn spiċċaw inqerdu jew inbiegħu. 

Però jekk wieħed jagħmel riċerka ċkejkna fuq l-Internet u jikteb il-kelma ‘terramaxka’, is-sejbiet ikunu varji. Apparti s-siti li jagħtuna informazzjoni dwar it-terramaxka bħala strument mużikali, issib ukoll informazzjoni dwar il-Premju Terramaxka fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Dan il-premju li ngħata l-ewwel darba fl-2015 għal dawk il-kotba li ġew stampati fl-2014, sar parti mis-serata annwali li fiha jingħataw premjijiet lill-aħjar kotba f’ġeneri differenti. Il-Premju Terramaxka, li huwa marbut mal-letteratura tat-tfal u ż-żgħażagħ, jinqasam fi tnejn: xogħol oriġinali u dak tradott. Fis-sezzjoni tax-xogħol oriġinali jiġu ppremjati l-kotba tat-tfal bejn żero u seba’ snin, minn tmien snin sa tnax-il sena u l-letteratura għaż-żgħażagħ. Min-naħa l-oħra, l-aħjar premju għal xogħol tradott jingħata wkoll lill-kotba mmirati għat-tfal bejn żero u seba’ snin, minn tmien snin sa tnax-il sena u l-letteratura għaż-żgħażagħ. B’kollox kien hemm sitta u għoxrin ktieb  li ġew ippubblikati fl-2022 u li kienu finalisti f’din il-kategorija fis-sena 2023. 

Ta’ min jinnota li kemm fil-kategorija Letteratura għaż-Żgħażagħ, kif ukoll fil-Letteratura għaż-Żgħażagħ Tradotta, kien hemm biss ktieb wieħed: Ġganti ta’ David Aloisio (Horizons) u Sherlock, Lupin u Jien: Il-Katidral tal-Biża’, traduzzjoni ta’ Dwayne Ellul (Merlin Publishers), rispettivament. Kif qal Aloisio waqt iċ-ċeremonja tal-għoti tal-premjijiet, ma jfissirx li l-premju għal Ġganti kien xi ħaġa awtomatika għaliex ma kellux kompetizzjoni. Bħalma ġieli seħħ, jista’ jkun li l-premju ma jingħatax jekk ma jkunx hemm qbil bejn l-aġġudikanti u l-livell mixtieq ma jkunx intlaħaq. Hija ħasra li l-letteratura għaż-żgħażagħ mhijiex tiġbed daqshekk kittieba biex jesperimentaw u jesprimu lilhom infushom b’tali mod li tolqot liż-żgħażagħ. Tajjeb li jinħolqu iktar opportunitajiet lill-kittieba f’dan il-ġeneru. Ġganti huwa ktieb oriġinali, li l-illustrazzjonijiet tiegħu jgħinu biex il-qarrejja jifhmu aktar dak li qegħdin jaqraw. Barra minn hekk, in-narrattiva żżomm lill-qarrejja fuq ix-xwiek biex jakkumpanjaw lil Żita fl-avventuri tagħha fuq il-gżira tal- ġganti ġentili. Mill-banda l-oħra, it-traduzzjoni ta’ Dwayne Ellul turi l-ħakma tajba li hu għandu fuq il-lingwa Maltija minħabba l-użu mirqum tal-lessiku li jgħinu jsensel traduzzjoni impekkabbli. 

Fis-sezzjoni tal-kotba maqlubin għat-tfal ta’ bejn it-tmien snin u t-tnax-il sena kien hemm erba’ finalisti iżda Noel Tanti bit-traduzzjoni tiegħu ta’ Każ Miftuħ: Segwi L-Indizji! (Merlin Publishers) kiseb il-premju. Dan hu ktieb oriġinali u differenti milli s-soltu mdorrijin naqraw peress li hu bbażat fuq logħba u għalhekk imur lil hinn minn ktieb didattiku. Barra milli jista’ jinqara fi grupp jew individwalment, dan il-ktieb iġiegħel lill-qarrejja jaħsbu b’mod kritiku u b’hekk iħossuhom involuti wkoll. Kieku Armadillo Jmur f’Ristorant (BDL Publishing) rebaħ fis-sezzjoni tal-kotba maqlubin għall-Malti minn etajiet żero sa seba’ snin. It-traduzzjoni ta’ Janet Mallia hija waħda friska u li ġġiegħel lill-qarrejja jitbissmu. Apparti mill-illustrazzjonijiet sbieħ li jakkumpanjaw lit-test, l-istorja hija trażmessa b’mod ċar u tagħti l-importanza fejn mistħoqq. 

It-taqtigħa kienet ħarxa fis-sezzjoni tax-xogħlijiet oriġinali tal-kotba għat-tfal bejn it-tmien snin u t-tnax-il sena, peress li kien hemm awturi diġà stabbiliti fix-xena letterarja Maltija mal-finalisti. Il-ktieb rebbieħ, Irvin Vella, Investigatur Virtwali: Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija ta’ John A. Bonello, b’illustrazzjonijiet ta’ Francesca Grech (Merlin Publishers), għandu xeħta umoristika li tiġbed lill-qarrejja. Fl-aħħar, fis-sezzjoni tax-xogħlijiet oriġinali kotba għat-tfal bejn żero u seba’ snin, kien il-ktieb Luċjan u Enzo: Is-Sriedak li Kienu Jgħiru għal Xulxin (BDL Publishing) li rebaħ il-premju f’din il-kategorija. Tajjeb li wieħed jaċċenna għall-fatt li l-awtriċi ta’ dan il-ktieb, Maria Farrugia, flimkien mal-illustratriċi Louiselle Sciberras, kellhom b’kollox erba’ kotba f’din il-kategorija li għamluha mal-finalisti. Il-karattri f’dawn il-kotba huma annimali tar-razzett li l-qarrejja jiltaqgħu magħhom fil-kotba kollha.  

Luċjan u Enzo: Is-Sriedak li Kienu Jgħiru għal Xulxin fih diversi tagħlimiet li huma mwassla lit-tfal b’mod divertenti. It-test innifsu flimkien mal-illustrazzjonijiet jgħinu lit-tfal jifhmu aħjar l-istorja, waqt li jkunu kapaċi janimaw l-istorja flimkien mal-ġenituri jew edukaturi tagħhom. Barra minn hekk, dan il-ktieb ħa wkoll premju tal-aħjar produzzjoni tal-ktieb għad-dehra tiegħu. Allura x’jagħmel lill-ktieb daqshekk speċjali? It-test hu miktub b’tipa u kuluri differenti biex jiggwidaw lill-qarrejja fil-qari, waqt li jikkuntrastaw mal-kuluri vivaċi tal-illustrazzjonijiet. It-tipi differenti jpoġġu enfasi partikolari fuq dak li jkun qiegħed jiġri fit-test. Fl-aħħar tal-ktieb hemm ukoll xi temi għad-diskussjoni biex it-tfal jiddiskutu aktar fit-tul u fil-fond. U x’jiġri minn Luċjan u Enzo li dejjem jiġġieldu fuq min jidden l-isbaħ u l-aħjar? Xi rwol ikollha Flavia l-mogħża fil-ġlieda taħraq bejn Luċjan u Enzo? Il-ktieb jispiċċa b’tagħlima ħelwa li isbaħ mill-ftehim u l-kollaborazzjoni m’hawnx. 

Il-Premju Terramaxka, bħal dak l-orgni li jdoqq għana melodjuża u jiġbed lin-nies, jippremja l-aħjar kotba biex il-qarrejja jiġu attirati mill-melodija tal-kotba. 

More in Arti