‘Raħal il-Letteratura’: Inizjattiva ġdida biex tippromovi l-preżenza tal-kotba madwar ir-Rabat

Raħal il-Letteratura qed jiġi appoġġjat mill-Premju tal-President għall-Kreattività u l-Kunsill Malti għall-Arti għal tliet snin

Il-Fondazzjoni HELA nediet kampanja bħala parti mill-inizjattiva ‘Raħal il-Letteratura’, li tiċċelebra l-letteratura u tippromoviha b’diversi modi. 

Permezz ta’ dan il-proġett, il-fondazzjoni qed tiġbor l-istejjer u l-esperjenzi ta’ nies mir-Rabat u xxerridhom. Dan qed isir bl-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-kotba kemm bħala oġġett fiżiku, kif ukoll bħala esperjenza, filwaqt li tingħata wkoll importanza lill-wirt letterarju. 

Raħal il-Letteratura qed jiġi appoġġjat mill-Premju tal-President għall-Kreattività u l-Kunsill Malti għall-Arti għal tliet snin. Il-kampanja Kotba Kullimkien ġiet ukoll appoġġjata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, li kienet fost l-ewwel li offrew spazju għal din l-inizjattiva, flimkien ma’ Merlin Publishers u Kotba Calleja. Il-proġett se jkompli jinfirex f’postijiet oħra bl-għan li l-kotba jsiru punt ta’ diskussjoni fil-qalba tal-komunità. 

‘Raħal il-Letteratura’ qed isir bħala parti mill-proġett ‘Kotba Kullimkien’. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-kampanja taspira li l-kotba jkunu preżenti u viżibbli f’postijiet ċentrali, partikolarment f’dawk li huma frekwentati min-nies tar-Rabat u oħrajn fil-lokalità, bħal Optika Opticians, Point de Vue, Studio Solipsis, u Isabelle Saliba Clinic. Il-kotba jinstabu wkoll fil-‘Book Box’ tal-Junior College. 

HELA diġà organizzat diversi attivitajiet b’rabta mal-proġett, fosthom gazzetti letterarji, qari pubbliku, qari fl-iskejjel, u promozzjoni ta’ Jum il-Ktieb. Il-fondazzjoni tittama li din l-inizjattiva tħeġġeġ irħula oħrajn biex jagħmlu l-istess, kif ukoll twassal għal inizjattivi simili fuq livell nazzjonali. 

Fondazzjoni HELA qed tikkollabora ma’ diversi assoċjazzjonijiet għal ‘Raħal il-Letteratura’: Studio Solipsis, Inizjamed, Malta Libraries, Merlin Publishers, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Heritage Malta, l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, u l-Kunsill Lokali tar-Rabat.

 

 

More in Arti