Tarġa Tarġa għall-Qari

Elena Cardona tiskopri l-kotba Fuq il-Muntanja ż-Żgħira u Il-Fatat Kaħlani mis-sensiela Tarġa Tarġa

Mhux l-ewwel darba li meta nirritorna xi kotba l-librerija jew nissellef xi oħrajn, kif ukoll meta nkun ġo xi ħanut tal-kotba, nisma’ diversi ġenituri jillatikaw ma’ wliedhom fuq l-għażla ta’ kotba li jġibu jew jixtru. Ta’ min ikun ir-raġun? Tal-omm li tipprova dejjem tagħti parir tajjeb lil uliedha dwar il-kotba adattati għalihom, jew tal-ulied li jfittxu li jkun hemm xi ħaġa li tinteressahom fil-ktieb li jkunu se jaqraw?  

Ibda biex, iktar mhu qiegħed jgħaddi ż-żmien, iktar qiegħed ikun hawn kotba varjati għat-tfal bil-Malti biex jaqraw. Minn dejjem konna noqogħdu nqabblu l-kotba tal-Malti li hawn fis-suq tagħna ma’ dawk tal-Ingliż, u bħal qisna nserrħu l-kuxjenza tagħna li jekk it-tfal ma jaqrawx bil-Malti mhux it-tort kollu tagħhom imma għax m’hawnx kotba biżżejjed. Din l-iskuża żgur mhux aċċettabbli iktar għax id-diversità ta’ kotba li hawn hija vasta: picture books, rumanzi, stejjer qosra, poeżiji, kif ukoll traduzzjonijiet ta’ kotba popolari tat-tfal. Meta wieħed iqis li l-lingwa Maltija hija mitkellma biss fil-gżejjer tagħna u għalhekk is-suq tal-bejgħ tal-kotba huwa wieħed limitat, dan hu sforz kbir u imprezzabbli. 

Madanakollu, xi ħaġa li forsi mhux kulħadd jaħseb fuqha hi li diversi tfal isibuha diffiċli biex jaqraw kotba bil-Malti minħabba l-livell tagħhom ta’ qari li ma jkunx ekwivalenti għall-età tagħhom. F’diskursata li kelli ma’ Chris Gruppetta ta’ Merlin Publishers, huwa jgħid kif mhux biss dawk it-tfal li jkunu jbatu mid-diżlessija jew għandhom xi abbiltà differenti tal-qari huma reluctant readers, iżda wkoll dawk li ma jħobbux jaqraw jew sempliċement għax bil-Malti mhumiex daqshekk fluwenti daqs l-Ingliż. Nemmen li din tal-aħħar hija raġuni validissima u li kulma jmur qegħdin jiżdiedu t-tfal li qegħdin jistmerru l-qari bil-Malti għax m’għandhomx l-istess livell tal-qari tal-Ingliż. Kif qal Gruppetta, hemm diskrepanza bejn l-età tal-qari (reading age) u l-interessi tagħhom (interest age). Dawk it-tfal li m’għandhomx il-livell tal-qari skont l-età tagħhom qegħdin jingħataw kotba li huma mmirati għal tfal ta’ età iżgħar, bil-konsegwenza li dawn it-tfal ma jiħdux gost jaqrawhom għax l-interessi tagħhom ikunu ferm iktar avvanzati. 

Għalhekk id-dar tal-pubblikazzjoni Merlin iddeċidiet li taħdem fuq proġett fejn tqarreb l-interessi tat-tfal mal-età tal-qari tagħhom, waqt li tħeġġiġhom jegħlbu dan in-nuqqas ta’ aptit għall-qari. Din is-sensiela ġġib l-isem ta’ Tarġa Tarġa u fiha hemm tliet livelli u madwar seba’ kotba. Skont il-fuljett li ġie ppubblikat mill-Merlin, il-“qofol ta’ din is-sensiela huwa l-kunċett li filwaqt li l-età ta’ qari (reading age) tat-tfal taf tkun ftit iżjed limitata, l-istejjer iridu jkunu ta’ livell ta’ storja li tibqa’ tinteressahom (interest age) u mhux iħossuha wisq sempliċi għalihom”. Barra minn hekk, din “is-sensiela fiha tarġiet differenti b’livelli jvarjaw ta’ qari. Ma’ kull livell, jiżdied l-ammont ta’ test u l-kumplessità tal-istorja, però jibqgħu dejjem hemm l-għajnuniet għall-qari li jagħmlu lil din is-sensiela unika”. Il-kotba huma stampati fuq karta matta u safranija, u t-tipa użata hija waħda apposta li tgħin lit-tfal bid-diżlessija. Fatturi importanti oħra li jħeġġu lit-tfal biex jaqraw huma li l-istejjer u anke l-kapitli huma qosra, u l-kliem hu mqassam apposta fuq il-paġna. Din is-sensiela hija mmirata għal tfal minn seba’ snin ’il fuq. 

F’din is-sensiela laqtuni żewġ kotba partikolari: Fuq il-Muntanja ż-Żgħira ta’ Charles Casha (2023) u Il-Fatat Kaħlani ta’ Clare Azzopardi u Leanne Ellul (2021). Fuq il-Muntanja ż-Żgħira, illustrat minn Vincianne Scerri, jirrakkonta l-istorja tat-tifel Elbio, li jiddeċiedi li jmur fuq il-Muntanja ż-Żgħira biex isib teżor. Meta kien ċkejken, in-nanna kienet tirrakkuntalu ħafna stejjer fosthom li fuq il-Muntanja ż-Żgħira kien hemm teżor. Meta kiber, tegħlbu l-kurżità u jerħilha jfittex dan l-imbierek teżor. Iżda Elbio jsib it-teżor? Min hu x-xiħ li jagħti l-fanal lil Elbio? X’jaħsbu n-nies tar-raħal fuq Elbio meta dan dam ma ġie lura d-dar? U fl-aħħar mill-aħħar, kif ħassu Elbio b’dak li sab? L-istorja ma fihiex tmiem ‘bħas-soltu’. Mhux se nkunu nafu bl-eżatt x’ġara u l-mistoqsijiet tal-qarrejja mhux kollha se jkunu mwieġba. Ngħid li din l-istorja fiha għeluq u mhux tmiem, peress li l-qarrejja jibqgħu jħammu x’seta’ sab Elbio fil-qiegħ tal-fanal. Tgħid kien hemm id-djamant kbir li qallu dwaru Lucas? Kulħadd jista’ jibqa’ jaħseb u jimraħ fl-immaġinazzjoni tiegħu u jagħti tmiem li jixtieq. 

Min-naħa l-oħra, Il-Fatat Kaħlani huwa dwar tenur famuż, Sigismondo Trapani, li issa li miet mar joqgħod ħdejn il-fatati l-oħra fl-Istazzjon tal-Ferrovija ta’ Birkirkara. L-illustrazzjonijiet sbieħ ta’ Romont Willy juruna lil Kaħlani jgħin lis-Sinjura Elisabetta, li kienet insiet warajha l-parasol li wirtet mingħand in-nanna Patrizia. Imma kulħadd jista’ jaħseb x’ġara. Is-Sinjura Elisabetta tant werżqet li Kaħlani waqqa’ l-parasol u mar jistaħba wara l-bank. L-istorja hija rrakkuntata minn fatat li sal-aħħar tal-istorja ma nsirux nafu min hu. Xtaqt kieku li kien hemm aktar praspar milli għamel Kaħlani. Forsi nsiru nafu min hu n-narratur u aktar dwar Kaħlani jekk joħroġ it-tieni ktieb.  

Din is-sensiela żgur li se tkun ta’ suċċess mhux biss mat-tfal li jitqanżħu biex jaqraw iżda anke ma’ dawk li jħobbu l-avventura. Il-kotba żġur li se jagħmlu l-qari aktar feliċi, rilassat u attraenti. 

More in Arti