Kunċert inawgurali fl-oratorju tal-onorati

Il-kunċert jibda fis-7 ta’ filgħaxija, u wara se jiġi servut xi xorb fis-sagristija

It-13 ta’ Jannar jimmarka l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Oratorju tal-Onorati tal-Knisja tal-Ġiżwiti. Biex tfakkar il-ġurnata, il-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti qed tistieden lill-pubbliku għal kunċert qasir taħt il-patroċinju distint Mons. Charles Jude Scicluna, l-Arċisqof ta’ Malta. 

Mibni fl-1613, u wara mmodifikat mill-Perit Francesco Buonamici bejn l-1657-59, l-Oratorju ġie rrestawrat u issa qed jintuża bħala spazju liturġiku u kulturali. Għalkemm l-Oratorju ntuża għall-ewwel darba f’Jum Santa Ċeċilja fit-22 ta’ Novembru, 2023, dan il-kunċert se jiċċelebra t-tlestija tal-proġett ta’ restawr b’xogħol mużikali ġdid ikkummissjonat mill-fondazzjoni speċjalment għall-okkażjoni. 

Ix-xogħol, ‘Vita Beatae Mariae Virginis’, ġie miktub għal tliet soprani u orgni ġie kompost minn Alexander Vella Gregory, id-Direttur Artistiku tal-fondazzjoni. Il-kompożizzjoni hija ispirata minn ‘The cycle of 7 paintings’ ta’ Stefano u Alessio Erardi. ‘Vita Beatae Mariae Virginis’ se tiġi esebita mis-soprani Marouska Attard, Dorothy Baldacchino, u Mariette Borg. 

Il-kunċert jibda fis-7 ta’ filgħaxija, u wara se jiġi servut xi xorb fis-sagristija. L-avveniment huwa miftuħ għal kulħadd. Id-dħul huwa b’xejn għalkemm min irid jista’ jagħti donazzjoni. 

More in Arti