Il-wirja ‘Mediterranean Gardens’ ta’ Kenneth Zammit Tabona tintwera fil-Phoenicia sal-aħħar ta’ Diċembru

Matul ix-xahar kollu ta’ Diċembru, l-aktar wirja riċenti tal-artist rinomat Kenneth Zammit Tabona, ‘Mediterranean Gardens’, qed tiġi mtellgħa fil-Lukanda Phoenicia fil-Belt Valletta. Din il-kollezzjoni ta’ xogħlijiet qed tiġi murija fil-Palm Court Lounge, bħala parti mill-programm ‘Artist in Residence’ tal-lukanda

Matul ix-xahar kollu ta’ Diċembru, l-aktar wirja riċenti tal-artist rinomat Kenneth Zammit Tabona, ‘Mediterranean Gardens’, qed tiġi mtellgħa fil-Lukanda Phoenicia fil-Belt Valletta. Din il-kollezzjoni ta’ xogħlijiet qed tiġi murija fil-Palm Court Lounge, bħala parti mill-programm ‘Artist in Residence’ tal-lukanda. 

Fl-2012, Zammit Tabona sar il-fundatur u d-direttur kreattiv tal-Valletta International Baroque Festival. Huwa sar l-ewwel direttur artistiku tat-Teatru Manoel fl-2015, fejn ħa ħsieb l-avvenimenti kollha li jvarjaw minn solo recitals għal chamber music u l-opra. Imbagħad, waqqaf The Monteverdi Project u The Valletta Baroque Ensemble bil-ħsieb li jġib l-attenzjoni għax-xogħlijiet ta’ kompożituri Taljani u Maltin mis-seklu 17 u 18. Huwa wkoll involut profondament fix-xena tal-arti lokali. 

Bħala artist, huwa primarjament rikonoxxut bħala akkwarellist u illustratur tal-kotba b’ħafna wirjiet fir-resum tiegħu. Il-pitturi tiegħu jinsabu f’kollezzjonijiet notevoli, kemm f’Malta, kif ukoll barra minn Malta, bħal Berlaymont f’Bruxelles. Ix-xogħlijiet tiegħu dejjem jinkapsulaw is-sbuħija ta’ pajjiżna. Tista’ tgħid li l-ilwien qawwija u forom uniċi huma d-daqqa u l-firma tipika tiegħu. 

Il-wirja se tippreżenta l-konċepiment tal-ġnien ideali Mediterranju ta’ Zammit Tabona, li huwa bbażat fuq ġonna li immaġina, kif ukoll dawk li hu familjari magħhom. Kull pittura għandha skema ta’ kuluri b’tonalità qawwija ta’ roża u vjola li ġġiegħel lill-osservatur jesplora d-dettall tal-ġonna. Din il-ġabra ta’ pitturi tal-ġonna tirrifletti l-passjoni li għandu għan-natura. 

‘Mediterranean Gardens’ se tibqa’ miftuħa f’The Phoenicia fil-Belt Valletta kuljum mit-8.30 am sal-10.30 pm. Il-wirja tagħlaq fl-1 ta’ Jannar, meta l-wirja tal-akkwarelli ta’ Carmel Serracino ‘Across the Harbour’ tieħu postha għax-xahar ta’ Jannar. Imbagħad, se tkun segwita mis-sensiela ta’ pitturi taż-żejt ta’ Lena Maria Ludes ‘Beyond the flawless: Embracing the imperfect beauty of humanity.’ Dr Charlene Vella hija l-kuratur ta’ dawn it-tliet wirjiet. 

More in Arti