No Time To Spare: Wirja Kollettiva tal-Arti Kontemporanja mill-Gabriel Caruana Foundation

No Time To Spare hija t-tieni wirja kollettiva organizzata mill-Gabriel Caruana Foundation sabiex tappoġġja u tippromwovi l-arti kontemporanja  f'Malta

Ġimagħtejn ilu fetħet wirja ġdida u introspettiva tal-arti f’The Mill – Art, Culture and Crafts Centre f’Birkirkara. No Time To Spare hija t-tieni wirja kollettiva organizzata mill-Gabriel Caruana Foundation, NGO ddedikata għall-appoġġ u l-promozzjoni tal-arti kontemporanja f’Malta, bħala parti minn programm għall-artisti emerġenti matul l-2022-2024. 

Il-kunċett tal-wirja ġie żviluppat u kkurat mid-Direttur Kreattiv u Kuratur tal-fondazzjoni, Elyse Tonna, li spjegat kif it-titlu huwa meħud minn ġabra ta’ esejs miktubin mill-kittieba Amerikana Ursula K. Le Guin. Hi tiddeskrivi No Time To Spare bħala “sejħa kollettiva li tħeġġiġna biex nirriflettu fuq il-forom differenti ta’ aġenzija li jsawru l-ispazji, il-kulturi, u d-dinja interkonnessa tagħna”. 

Rachelle Deguara, Claire Farrugia u Sheldon Saliba huma l-artisti lokali li ħa juru xogħolhom f’din l-esebizzjoni. Għal dan il-programm huma ġew sfidati biex jirriflettu fuq ċerti kunċetti u kliem prinċipali sabiex jiżviluppaw ix-xogħlijiet artistiċi tagħhom. Matul dan il-proċess li kien maqsum fi tliet partijiet, huma kienu ggwidati minn Elyse Tonna għall-Proċess Kreattiv, Raffaella Zammit li ħadet ħsieb l-Ipprogrammar Artistiku, u Martina Camilleri li mexxiet il-Proċess tal-Engagement. 

Rachelle Deguara hija kemm studenta tal-Performing Arts, kif ukoll il-kofundatriċi tal-NGO attivista Young Progressive Beings (YPB). Ix-xogħol tagħha jagħti ħarsa lejn id-dikotomija bejn il-poter u s-sottomissjoni, u anki dik bejn ir-restrizzjoni u l-ħelsien. Claire Farrugia hija spiżjara prattikanti b’MA fl-Istorja tal-Arti. Hi tesplora l-linji mċajpra bejn il-verità u l-gideb permezz tal-pitturi, skulturi u installazzjonijiet iċċentrati fuq il-figura umana. 

Sheldon Saliba huwa artist viżiv bi sfond fl-Istorja tal-Arti. Huwa jevalwa r-realtajiet kontemporanji billi jissopraponi spekulazzjonijiet futuri fuq interpretazzjonijiet nostalġiċi ta’ arkivji u cabinets of curiosities, u billi jgħaqqadhom ma’ biċċiet skulturali.  

Din il-wirja kollettiva se tkun miftuħa nhar l-Erbgħa, il-Ħamis, u l-Ġimgħa mill-5pm sas-7pm. 

Aktar informazzjoni dwar dan il-programm artistiku tista’ tinstab fuq is-sit uffiċjali tal-Gabriel Caruana Foundation. Tista’ wkoll tappoġġja lill-fondazzjoni billi tixtri xogħlijiet tal-arti mill-Art Store tagħhom. 

More in Arti