Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jiftaħ għada!

Mhux ta’ min jitlef din l-edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li se tkun mimlia daqs bajda b’attivitajiet għal kulħadd

Għada se jiftaħ il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb bit-tema #kotbakitbauaktar. 

Din l-edizzjoni se tieħdok lil hinn mill-kelma miktuba għaliex se ġġiegħlek tesperjenza dinja multisensorja li tieħdok f’dinja ta’ illustrazzjonijiet, mużika, teatru, film, u aktar.

L-avveniment jibda minn għada 18 ta’ Ottubru u jibqa’ sejjer sal-Ħadd 22 ta’ Ottubru fl-MFFC ta’ Qali. Il-programm mimli attivitajiet u se jkun hemm madwar 50 esebitur. Se jkun hemm kittieba tal-polizjesk Sam Blake li se taqsam il-ħsibijiet tagħha dwar kif tikteb manuskritt u tagħmlu bestseller. Mhux talli hekk biss, Blake se tiltaqa’ ma’ studenti postsekondarji u se tkellimhom dwar l-ispirazzjoni u l-proċess tal-kitba. Blake se titħaddet ukoll mal-awtriċi Maltija Leanne Ellul, f’diskussjoni mmoderata mill-aġent letterarju ta’ Blake, Simon Trewin. 

Trewin se jirritorna għall-festival tal-Ktieb sabiex jaqsam ma’ kittieba ġodda suġġerimenti ta’ kif għandhom jinnavigaw l-aħjar f’dawn il-mogħdijiet bi strateġija ta’ suċċess f’seminar dwar is-suq tal-pubblikazzjiniet. 

Id-drammaturga Simone Spiteri se itella’ xows teatrali fost aktar attivitajiet għal dawk l-istudenti ħerqana li jżuru l-Festival fost il-ġimgħa filgħodu kmieni. Kull xow huwa ispirat minn rebbieħa mill-imgħoddi tal-Premju Terramaxka għat-tfal u ż-żgħażagħ. Se jkun hemm ukoll Kamra Sensorja – spazju tajjeb għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu immaniġjat mill-Fondazzjoni Inspire bi sħab mal-APS Bank. 

Mhux ta’ min jitlef il-kunċert VII/Fidwa b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Teatru Malta bil-parteċipazzjoni tad-duo The New Victorians - li se jinkludi kanzunetti meħuda mix-xows Sette u Il-Fidwa tal-Bdiewa li għalihom il-biljetti nxtorbu!

Se jinkludi wkoll post għall-arti viżiva bl-esebizzjoni From Illustration to Book għat-tieni darba konsekuttiva, u l-Mural Interattiv li qed jittella’ b’ħidma mal-Malta Community of Illustrators li se jiffoka fuq il-qawwa tal-illustrazzjoni li ġġib bidla soċjali. Fil-Festival se tintwera l-wirja ta’ Heritage Malta – Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali, li se timxi mal-istorja tal-ilsien Malti bis-saħħa ta’ dokumenti u kotba intriganti. 

L-Energy and Water Agency saħanstira se torganizza attivitajiet edukattivi għall-istudenti u tfal t’esperimenti xjentifiċi dwar il-provvista, sostenibbilitá, aċċess u dipendenza fuq ir-riżorsi tal-ilma u l-enerġija. 

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jseħħ bejn l-Erbgħa 18 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru fil-ħinijiet li ġejjin: l-Erbgħa u l-Ħamis bejn id-9am u s-1pm, u bejn il-5pm u d-9pm; il-Ġimgħa bejn id-9am u s-1pm u bejn il-5pm u l-10pm; is-Sibt bejn id-9:30am u l-10pm; u l-Ħadd bejn id-9:30am u t-8pm.

More in Arti