Is-saħħa tal-kelma u l-arti tal-konvinzjoni

Patrick Sammut jisma’ bir-reqqa Il-Kelma ta’ Eddie Fenech Adami fl-istudju ta’ James Aaron Ellul dwar kif il-lingwa tiżżewweġ mal-politika  

Il-kelma hija iktar b’saħħitha mix-xabla. Dan huwa veru meta dak li jkun ikun jaf sewwa lsien art twelidu, imma anki t-tekniki u l-mekkaniżmi varji li jista’ jħaddem biex dak li għandu jgħid jgħidu bla ma jdejjaq, b’mod effettiv, u jasal fejn għandu jasal. Dan huwa importanti mhux biss għall-politiku, għall-avukat u għas-saċerdot, imma anki għalina lkoll sabiex niksbu b’manjiera korretta u ċivili dak li nkunu nixtiequ jew ħdimna għalih. 

Nibda bi kliem James Aaron Ellul stess fil-konklużjoni tal-ktieb tiegħu Il-Kelma ta’ Eddie Fenech Adami (Klabb Kotba Maltin, 2023): “L-orazzjoni, l-arti tat-taħdit minn dejjem kienet tħaddem il-kelma biex tispjega, tisħaq, tinsinwa u tikkonvinċi. Fil-letteratura nsibu fost l-oħrajn lil Sokrate, lil Platun, ’il Aristotli, lil Orazju u ’l Santu Wistin li għarfu jużaw il-kelma tagħhom u għamluha bħala waħda mexxejja. Huma stess kienu l-mexxejja tagħha, kellhom kontroll fuqha.” Nies bħal dawn ħallewlna pjan ta’ tfassil, skejjel u istituzzjonijiet ta’ ħsieb politiku, partiġjan, reliġjuż u filosofiku sabiex wasslu għal rivoluzzjoni fil-qasam tal-orazzjoni. Kienu bosta dawk il-politiċi u reliġjużi li ħaddmu l-element ta’ passjoni fid-diskorsi tagħhom biex jikkonvinċu, element li baqa’ b’saħħtu sal-preżent, u li sa narawh fil-prattika bis-saħħa ta’ Il-Kelma ta’ Eddie Fenech Adami (Klabb Kotba Maltin, 2023) ta’ Ellul. 

Dan huwa ktieb ta’ 182 paġna maqsum f’taqsimiet differenti. Fost il-partijiet ewlenija nsibu ‘It-testi analizzati’, ‘Il-lingwaġġ figurattiv’ u ‘Il-qofol tematiku’. Inklużi hemm ukoll Biblijografija essenzjali u Appendiċi b’sitt diskorsi ta’ Fenech Adami, ħamsa minnhom li għamel fis-snin 80 u ieħor fl-2003, ftit qabel ma Malta saret parti mill-Unjoni Ewropea. Kif jikteb l-Editur ta’ In-Nazzjon Joe Cassar, fin-nota tal-bidu, permezz ta’ dan il-ktieb se nifhmu iktar lil Fenech Adami bħala oratur kbir, mhux biss bħala statista u politiku, u dan f’sitwazzjoni politika nazzjonali lesta tisplodi minn waqt għal ieħor bħalma kienet f’Malta fis-snin 80. Għalhekk dan hu ktieb li jfakkarna f’ċerti episodji ewlenin tal-istorja ta’ Malta kontemporanja, u b’hekk għal bosta li għexu dawk iż-żminijiet ħa jkun vjaġġ lura fil-memorja. Waqt li Ellul jifli l-kelma ta’ Eddie, quddiem il-qarrej li għex it-tmeninijiet donnu għaddej film ħaj li jerġa’ jqajjem tifkiriet kollettivi li għex fl-ewwel persuna. Ellul ifakkar ukoll li dan il-kuntest storiko-politiku ġie mfakkar b’mod umoristiku minn Joe Friggieri fil-ġabra ta’ novelli L-Istejjer tar-Ronnie (1992). 

Ellul jurina li Fenech Adami wassal il-kelma u l-messaġġ politiku tiegħu b’għadd ta’ metodi, fosthom permezz ta’ mekkaniżmi letterarji li uża konxjament u inkonxjament, u dan b’Malti safi u mirqum li tieħu gost tisimgħu. Interessanti dak li jikteb Ellul stess: “Eddie rebaħ grazzi għall-Malti. Il-Malti bħala poplu. Il-Malti bħala lsien.” Joħroġ għalhekk il-kuntrast bejn il-politika ta’ persważjoni ta’ Eddie, ibbażata fuq il-fidi, il-prinċipju u l-valur, u l-politika populista tal-preżent. 

Ellul ibbaża l-analiżi tiegħu fuq diskorsi li Fenech Adami għamel f’żewġ perjodi jew sitwazzjonijiet differenti. Tal-ewwel huma diskorsi tas-snin 80, meta l-poplu kien qed jiġġieled għal-libertà u d-demokrazija xierqa f’Malta. Tat-tieni huwa dak biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. 

Kull kelliem jew oratur kbir iħaddem bosta elementi tar-retorika, is-sengħa tat-tħaddim tal-kelma biex il-kelliem jipperswadi. Ellul jifli b’ċerta kliniċità d-diskorsi ta’ Fenech Adami aktar minn 30 sena wara u dan isaħħaħ il-fatt li min qed janalizza qiegħed jagħmel dan b’oġġettività u bi strumenti xjentifiċi: dawk tal-kritika letterarja. Ellul jurina li matul id-diskorsi tiegħu dan il-mexxej ħaddem bosta mill-mekkaniżmi retoriċi, kollha b’għan jew effett speċifiku, u li tagħhom jagħtina definizzjoni u eżempji konkreti. Fost dawn, l-użu tal-kollettiv permezz tal-kelma “Aħna”, il-crescendo, it-ton determinat u persważiv, il-mistoqsija retorika, l-ironija, l-esklamazzjonijiet, u r-ripetizzjoni, li tieħu forom differenti, u li tintuża għall-enfasi, biex jitqanqal sentiment partikolari, biex tfakkar jew issaħħaħ idea speċifika. Fost mekkaniżmi differenti tar-ripetizzjoni naqraw dwar l-anafora, l-epifora u l-epiżewski. 

Taqsima interessanti mill-ktieb hija ddedikata lil-lingwaġġ figurattiv, u għalhekk hawn Ellul jifli ċerti metafori - dik animista u dik evanġelika - użati minn Fenech Adami waqt id-diskorsi tiegħu. Hekk, pereżempju, isemmi l-metafori tat-“tempesta” (żmien ikrah), imma anki tas-“siegħa”, “martri”, u “ragħaj/nagħaġ/merħla”. Ellul ifakkar li Fenech Adami kien jinkludi bosta referenzi Kattoliċi, ladarba r-reliġjon kienet is-sinsla morali tal-poplu f’dak iż-żmien. Jissemmew ukoll il-parabbola, il-metafora mtaħħta u l-politiku bħala narratur-aġent.  

Taqsima oħra hija dik fejn Ellul jikteb dwar l-aġġettivazzjoni, li tgħin lill-kelma tal-politiku-kelliem titwassal bl-iktar mod effettiv lill-pubbliku. Il-qarrej ta’ dan il-ktieb se jsir jaf bid-differenza bejn argumentium ad baculum, argumentium ad popolum u argumentium ad judicium, kollha mħaddma minn Fenech Adami waqt id-diskorsi tiegħu quddiem eluf kbar ta’ semmiegħa. Interessanti wkoll it-taqsima fejn Ellul jiffoka fuq ġabra ta’ kliem magħżul mill-kelliem-politiku u jara l-użu u l-frekwenza tagħhom, fosthom kliem bħal “Malti”, “siegħa”, “pajjiż/na”, “aħna”, “huma”, “poplu”, “xogħol”, “gvern”, “ġustizzja”, “libertà” (fid-diskorsi tas-snin 80), u aktar tard “Unjoni Ewropea”, “Unjoni” u “sħubija” (fl-2003).  

Matul dan il-ktieb, Ellul stess jagħmel użu minn bosta mekkaniżmi letterarji li jiddefenixxi u jikteb dwarhom sabiex anki dak li jikteb hu jasal, jinftiehem u jibqa’ miftakar mill-qarrejja tiegħu. Permezz ta’ Il-Kelma ta’ Eddie Fenech Adami (Klabb Kotba Maltin, 2023), Ellul uriena li l-kelma hija l-bniedem u l-bniedem huwa l-kelma: dan il-mexxej kien bniedem dirett li ħaddem il-kelma li tinftiehem, b’kontenut serju u sentimentali li bih irnexxielu jidħol f’moħħ u jmiss il-qalb tal-pubbliku li kien isegwih. 

More in Arti