Kotba | Ilma ġieri, ilma dejjem għaddej, bħad-dubji

Noel Tanti jaqbad il-ġabra poetika Ilma ta’ Gioele Galea, u jsib li warajha hemm moviment kontinwu, bid-dubju kostanti u l-verità fluwida

Inzertajt qiegħed f’Cornwall nikteb din ir-reċensjoni. Kmieni filgħodu mort passiġġata fil-foresta qrib ta’ fejn konna qed noqogħdu u bqajt sejjer sal-bajja ta’ Pentewan. Ix-xemx kienet għadha ma sebħitx imma kien riħ mhux ħażin. Il-mewġ beda jħabbat ġmielu u jixkana storbjuż fuq ir-ramel. Il-lejl ta’ qabel kont għadni kif spiċċajt naqra għat-tieni darba Ilma (Horizons, 2022), l-aħħar ġabra ta’ poeżiji minn Gioele Galea. Hija kumbinazzjoni ħelwa li qed naħdem fuq din l-antoloġija propju meta ninsab f’dan ir-reġjun tal-Ingilterra, imdawwar bix-xmajjar, baħar, xita, kaskati u nixxigħat. 

Fuq il-bajja, f’moħħi kelli għaddejjin vrus ta’ poeżija numru 37, waħda minn dawk il-poeżiji (u f’din il-ġabra hemm ħafna minnhom) li wara li tkun qrajtha darba, diffiċli titlaqha: ‘Fil-mewġa / jitwaħħdu r-riħ u l-baħar, / u inti ma tifhimx, / għax jibqa’ ma jidhirx / ir-riħ / u wħidha tidher miexja / l-mewġa.’ Xammart il-qalziet, neħħejt iż-żarbun u l-kalzetti, u mxejt ftit mal-kosta. Ma kienx hemm ruħ ħliefi. Kemm domt hemm bqajt nhewden fuq din il-poeżija – ‘X’mhux qed nifhem?’ - sakemm il-kliem għeb għalkollox u baqa’ biss ir-ritmu tiegħu jinbaram miegħi, bħall-ilma nġazzat tal-Atlantiku li mewwitli l-għekiesi u l-pexxul. 

Il-poeżiji ta’ Galea jirrikjedu att ta’ fidi. Huma stedina għal kontemplazzjoni intensa mneżżgħa mill-ħsieb, riflessjoni dwar ir-relazzjoni tagħna mas-sagru. Huma karba li tinsab fina u lil hinn minna fl-istess ħin. Nistgħu ngħidu wkoll li dan ix-xogħol huwa dwar Alla imma Galea joqgħod lura milli jgħid hekk espliċitament għax hawnhekk qiegħed jimraħ iktar fid-dubju milli fiċ-ċertezzi. Infatti, fil-prologu ċkejken, li huwa poeżija wkoll, jiftaħ b’mistoqsija: ‘’K mhux fl-ilma / fejn / jingħexu l-kurrenti?’ 

Id-dubju huwa kostanti. Il-verità hija fluwida, bħall-ilma li jagħti l-isem lil din l-antoloġija, u wara din il-fluwidità hemm moviment kostanti. Bħax-xmara li qatt ma tista’ tirfes fiha darbtejn għax l-ilma huwa ġieri u dejjem jinbidel, il-verb huwa assolut, il-moviment kontinwu. Il-mistoqsijiet jibqgħu ġejjin ‘Insistenti / ġo rasna / l-idea tal-ilma’ (poeżija numru 09). 

Il-kitbiet ta’ Galea jeżistu f’realtà kiebja mdawla minn fjamma tnemnem, fejn il-wiċċ ifakkrek immedjatament fl-abbiss: ‘Jistrieħu / kemm jistrieħu fuq qċaċet, / dejjem ’l hemm igerbibhom l-ilma, / lejn il-qiegħ’ (poeżija numru 13). Ħajjitna hija msejsa fuq pedamenti magħmula minn misteru u l-isforzi tagħna biex nagħmlu sens minnhom huma spiss fiergħa. Il-kliem, pereżempju, iqarraq bina. Meta nlissnu kelma biex nifformulaw ħsieb, inkunu qed nagħtuha forma bejn wieħed u ieħor definita, ħielsa mill-ambigwità. Iżda dan mhu xejn għajr kompromess lingwistiku bejn il-ħiliet espressivi tagħna u l-misteru li hemm fina u madwarna. Bħalma l-enerġija t’oġġett hija limitata mill-fiżikalità tal-oġġett innifsu, l-istess il-kliem tagħna li, skont Galea, jinbidel fi żrar li jdarras u jqarmeċ (poeżija numru 34). 

Għalhekk, inqas ma nafu iktar aħjar. Mhux qed nitkellem dwar injoranza jew nuqqas t’għarfien. Lanqas xejn. Galea jgħidilna li ċ-ċertezzi jbegħduna mill-verità u li din nistgħu nersqu lejha biss fid-dubju. Hawnhekk qed jieħu approċċ apofatiku, bħalma nsibu pereżempju f’The Cloud of Unknowing, xogħol anonimu Medjevali mfassal fuq it-tradizzjoni mistika ta’ Psewdo-Dijonisju l-Areopagita, teologu u ħassieb Grieg. Dan ix-xogħol jisħaq kif biex tiskopri lil Alla trid tmur oltre milli tikkonċettwalizza s-sagru. Is-sagru huwa infinit u l-infinit ma jistax ikollu konfini. F’din il-gwida spiritwali, l-awtur iħeġġeġ lill-qarrej sabiex jitnaddaf miċ-ċertezzi u minflok jintelaq fi sħaba tad-dubju. Dan huwa l-lejl oskur tar-ruħ li jsemmi San Ġwann tas-Salib u dak li hemm wara l-ispiritwalità ‘ċkejkna’ ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux. 

Mhix faċli. Li tfittex il-verità fid-dubju jfisser li qed tħaddan u taċċetta diversi paradossi. Il-merkurjalità tal-materja prima li Galea jippreżentalna f’din il-ġabra, l-ilma, għandha natura paradossali. Tista’ tkun tliet affarijiet differenti – ilma, silġ u fwar – mingħajr ma tikkomprometti l-essenzjalità tagħha. Apparti minn hekk, l-ilma jista’ jkun forza ġenerattiva kif ukoll distruttiva. Fl-ewwel żewġ poeżiji, Galea jgħidilna kif għadira mingħajr ilma hija sempliċiment blata mingħajr ħajja imma min-naħa l-oħra, din l-istess materja li tagħti l-ħajja lil oġġett inerti, kapaċi wkoll tgħawwar fih u teqirdu ftit ftit: ‘issa ħalla wrajh / ħofra f’rasek / u oħra f’rasi’ (poeżija 02). 

Galea jisħaq kemm dan il-vjaġġ lejn is-sagru huwa solitarju. Minkejja li n-natura tagħna hija waħda komunitarja (Aristotli sejħilna ‘annimali soċjali’) ir-relazzjoni mas-sagru tesiġi impenn assolut. F’poeżija numru 32, Galea jgħidilna li meta tkun qed tinbena r-relazzjoni mas-sagru, ‘għajnejk / jaraw madriperla.’ Dan jista’ jitqies bħala żvilupp fil-maturità spiritwali imma bl-ebda mod mhu stat privileġġjat jew tmiem il-mixja tagħna. Il-madriperla tissarraf fi ‘ċpar / [li] jaqtgħek mill-bqija’ – il-vjaġġ fadallu u nafu li jinvolvi taqbida personali ħafna bejn it-tħaddin tad-dubju u x-xenqa għall-verità. Fost il-bosta inċertezzi, din hija l-forza waħdanija li nafu li ġġorna magħha. 

Ma nistax nimmaġina xi ħadd jaqra Ilma u jibqa’ indifferenti. Huwa ktieb li jiddjaloga mal-qarrej fuq livell spiritwali u jekk tħallih, għandu ħafna affarijiet x’jgħidlek. Forsi mhux kollha se jogħġbuk, xi wħud jaf ma tifhimhomx jew jiskomodawk - imma tajjeb li tkun taf dwarhom. Huwa xogħol li għandek tafdah għax iktar ma tintelaq fih, iktar irendilek. 

More in Arti