Kotba | Triloġija ta’ ġeneru u livell fantastiku

Patrick Sammut jaqbad it-triloġija ta’ Kirsten Spiteri u jagħti dewqa tagħha lill-qarrejja

B’xorti tajba llum il-letteratura fantastika u fantaxjentifika fil-letteratura Maltija (bil-Malti u bl-Ingliż) qed titkattar aktar ma’ jgħaddi ż-żmien. Kirsten Spiteri huwa fost dawk il-kittieba li kkontribwixxew f’dan il-qasam. Huwa twieled fl-1987 u llum huwa awtur ta’ erba’ kotba għaż-żgħażagħ.  

Bl-ewwel ktieb tiegħu, The Wave (106 paġni, Faraxa, 2016), hu rebaħ il-Kategorija Young Adult tal-London Book Festival fl-2017. Hawn in-narratur joħodna f’dinja postapokalittika fejn ma fadal xejn ħlief ħafna baħar u ftit gżejjer wara gwerra dinjija li ġabet il-forzi tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea fix-xejn. Fuq waħda minn dawn il-gżejriet niltaqgħu ma’ Berk, tifel minn Malta, sopravissut u li ilu ħames snin f’din is-sitwazzjoni waħdu. Il-qarrejja jiftakru fir-rumanz klassiku Robinson Crusoe ta’ Daniel Defoe jew fil-film Cast Away li kien ħareġ fis-sena 2000 b’Tom Hanks bħala l-protagonist. Berk jirnexxilu jsib x’jiekol u x’jixrob, u jirbaħ is-solitudni billi jagħmel ħbieb mal-għasafar tal-baħar. 

Wara snin jgħix waħdu Berk jittieħed biex jgħix f’Atlantis, soċjetà ġdida fejn l-uniku ikel disponibbli hu dak prodott artifiċjalment,  m’hemmx pulizija, u għalhekk kull ċittadin għandu r-responsabbiltà li jara li jinżamm l-ordni. Bħal fir-rumanz ta’ Aldous Huxley, Brave New World, anki hawn jeżistu bnedmin ta’ klassijiet differenti, bi wħud igawdu iktar libertajiet u privileġġi minn oħrajn. Dawn iċ-ċittadini jakkwistaw aktar punti meta jirrappurtaw fejn ikollhom suspett jew jaraw xi nuqqas iseħħ, mela huwa inkoraġġut li tagħmilha ta’ spija. Spiteri jġagħalna nirriflettu dwar soċjetà fejn la hemm ikel frisk u lanqas il-mużika li tpaxxi l-widna u r-ruħ.  

Fil-ktieb hemm ukoll bħal elementi ta’ natura morali, fosthom is-sens ta’ altruwiżmu, il-lealtà, il-kelma għarfa u f’waqtha: “Do not judge the way by the few... The deadliest drug in the world is power.” (p. 95) Hemm ukoll l-annimal li jasal biex jgħin lill-bniedem li rrispettah f’waqtiet ta’ bżonn.  

Fost il-mekkaniżmi letterarji li jitħaddmu hemm il-flashbacks, biex nifhmu iktar x’wassal għas-sitwazzjoni attwali. In-narrazzjoni għaddejja l-ħin kollu, b’waqtiet ta’ inċertezza li joħolqu ċerta tensjoni fil-qarrejja, u oħrajn ta’ tama li joħolqu sens ta’ stennija. L-awtur idaħħal elementi narrattivi ġodda bħal perikli ta’ natura ġeoloġika ħalli jżomm lill-qarrejja kurjużi dwar x’se jsegwi, filwaqt li t-titlu ta’ kull kapitlu jindika bejn wieħed u ieħor x’se jseħħ. Il-kapitli jinqraw malajr, imma l-qarrejja jħossu sens ta’ tensjoni u urġenza jiżdied fihom iktar kemm jimxu ’l quddiem f’dan ir-rakkont.  

It-tmiem hu hieni għalkemm xi ftit imgħaġġel u bħal imħolli miftuħ għall-qarrejja biex jimmaġinaw huma x’se jseħħ wara. It-tmiem jorbot mal-bidu, ladarba fit-tnejn hemm l-idea tat-tsunami. 

Fit-tieni ktieb ta’ Spiteri, Far From Home (128 paġna, Faraxa, 2017), il-protagonist huwa tifel speċjali, Rob, li jaqa’ ġo toqba li tittrasportah minn post familjari għal wieħed mhux magħruf. Il-waqgħa ġġib amneżija f’Rob li jsib ruħu bħal ħuta barra mill-ilma, u f’post fejn jitkellmu bi lsien differenti. 

Bil-mod il-mod il-qarrejja jindunaw li l-post fejn sab ruħu Rob hija Malta, waħda li tixbah ħafna lil tagħna ladarba jissemmew postijiet bħall-Buskett, Ħal Far, Għar Lapsi, il-Qrati fil-Belt, u s-Siġġiewi, u jissemmew aspetti oħrajn bħall-ewro, TVM, l-immigranti illegali mill-Afrika, kunjomijiet Maltin, u t-Times of Malta. Hemm ukoll l-aspett soċjali: il-Maltin li jagħmlu muntanja minn żrara ladarba jivvintaw u jesaġeraw fejn m’hemmx ċertezzi; il-kurżità bla kontroll tal-midja tal-massa li lesta tiddeffes fejn ma jesagħhiex. 

Bil-mod il-mod nibdew ningħataw tagħrif dwar Rob: mhux ta’ ġilda skura, xagħru twil, liebes ġakketta ta’ materjal mhux magħruf, il-ġrieħi tiegħu jfiqu malajr, kapaċi jitgħallem lingwa stranġiera fi ftit sigħat, jifhem il-ħsibijiet ta’ min ikellmu għalkemm mhux il-kliem, għandu talent artistiku avvanzat fl-iskultura fl-injam, u mhux familjari la mal-flus u mal-karozzi, u lanqas ma’ kunċetti bħal serq, ħabs u gwerra. Toħroġ l-idea li d-dinja tagħna tista’ tkun aħjar kieku neħilsu minn ċerti elementi negattivi li jeżistu fost il-bnedmin. 

Dan kollu jwassal biex min isalvah jifhem li Rob mhux tad-dinja, imma ġej minn dinja ħafna iktar avvanzata. Mill-ewwel joktru l-perikli minn min issuspetta dan u jixtieq jaqbdu. Anki hawn Spiteri jalterna bejn waqtiet pożittivi u ta’ tama, u oħrajn ta’ qtigħ il-qalb. Minkejja li lejn l-aħħar tar-rakkont għal waqtiet jinħass li l-ħażen jista’ jirbaħ, it-tmien huwa hieni u anki misterjuż: ħadd ma jaf x’seħħ mill-familja li għenet lil Rob. 

Fit-tielet ktieb, In the Land of Marigolds (128 paġna, Faraxa, 2019) Spiteri jambjenta l-azzjoni f’żewġ spazji paralleli: hemm dak reali u magħluq, klawstrofobiku, fejn niltaqgħu ma’ grupp ta’ tfal f’Sala 6 tal-Isptar Mater Dei, mela fi żmien Malta kontemporanja, u dak fantastiku jew parallel fejn hemm il-ftuħ tan-natura tħaddar fl-aqwa tagħha. Il-protagonist hawn huwa Rick u huwa wieħed minn dawn it-tfal li fir-realtà jinsabu ġo sodda u ma jistgħux jiċċaqalqu. Flimkien dawn it-tfal jilagħbu logħba ta’ immaġinazzjoni li permezz tagħha jivvjaġġjaw ’il bogħod mill-għeluq tal-isptar u mit-tbatija fiżika li jinsabu fiha. 

Kassandra, pazjenta oħra f’Sala 6, tesprimi x-xewqa li ssib ruħha f’post miftuħ fuq għolja mimlija fjuri. Rick bħal jirnexxilu jittrasferixxi jew jitteleporta ruħu verament fi spazju bħal dan u jibda jinnota kreaturi differenti: ġurat, siġar, għasafar, żwiemel. Dak li sa ftit qabel jidher biss fantasija jsir realtà hekk kif l-infermiera ssib lelluxa ma’ dahar Rick, prova konkreta li la kien qed joħlom u lanqas jigdeb. Huwa hawn meta r-rakkont jakkwista d-dimensjoni fantastika u surreali tiegħu.  

Hu mument maġiku meta Rick jitteleporta lil Kassandra fuq l-għolja mimlija lellux u jesperjenzaw għall-ewwel darba tlugħ ix-xemx. Hu f’dan l-ispazju fejn it-tfal ta’ Sala 6 jibdew jagħmlu movimenti li qatt qabel ma setgħu jagħmlu. 

Anki hawn Spiteri jalterna bejn waqtiet ta’ tensjoni, inċertezza, biża’ u stennija, u oħrajn ta’ stagħġib, hena u mistrieħ, b’numru ta’ cliffhangers f’tarf għadd ta’ kapitli li jħallu lill-qarrejja maħsudin jew miklubin bil-kurżità. Hemm dejjem id-dubju jekk il-grupp ta’ tfal jinstabx fuq l-istess dinja jew fuq pjaneta mbiegħda. Bħal fil-ħrejjef hawn jidħlu elementi bħall-mappa misterjuża, il-vjaġġ u l-ostakli li jridu jintrebħu, l-iskoperta ta’ ħwejjeġ ġodda, u s-sens ta’ affaxxinazzjoni. It-tmien hu mill-isbaħ u b’xi mod mhux mistenni. Hawn l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni esiru ħaġa waħda.  

More in Arti