Kotba | Bejn maġija, supernaturali u familjarità

Patrick Sammut jaqbad żewġ kotba ta’ M.A. Fenech relatati ma’ xulxin mill-ġeneru tal-fantasija, Fables from Miragasia – The Upbringing u Journal of Ewliena. X’jagħmel lil dawn iż-żewġ kotba fantastiċi? 

Il-letteratura Maltija tal-ġeneru fantastiku ilha li daħlet hawn Malta, sa mis-snin 70. F’moħħi għandi ismijiet bħal Ġorġ Mallia, Carmel G. Cauchi, u anki ismijiet iktar reċenti bħal John Bonello u Kirsten Spiteri. M.A. Fenech hija awtriċi li kompliet tarrikkixxi dan il-ġeneru letterarju fil-kamp tal-letteratura Maltija bl-Ingliż permezz ta’ żewġ kotba mill-pinna tagħha: ir-rumanz ta’ 339 paġna The Upbringing – Book 1 (l-ewwel volum mis-serje Fables from Miragasia) u ktejjeb żgħir ta’ ftit iktar minn 50 paġna li jikkumplimenta r-rumanz, bl-isem ta’ Journal of Ewliena. Wieħed jistaqsi għaliex l-Ingliż? Tweġiba waħda hi dik li xogħlijiet fil-lingwa Ingliża jkunu jistgħu jinqraw u jitgawdew ukoll minn min Malti ma jifhimx, apparti li s-suq tal-qarrejja jikber bil-bosta. Għandna l-letteratura Maltija li tifrex lil hinn miċ-ċokon ta’ xtutna, din id-darba mhix tradotta imma oriġinali.  

The Upbringing jinqasam fi tliet partijiet ewlenin, kull parti mbagħad hi maqsuma f’għadd ta’ kapitli. L-azzjoni sseħħ f’post - Miragasia - bejn il-familjari u l-fantastiku. Niltaqgħu ma’ postijiet u kliem bħal Qaljenza (villaġġ tas-sajjieda), Nadurjani, Melitasjani, u anki l-isem Dame Vellià. F’dan il-post jgħixu mill-inqas żewġ gruppi differenti: is-sħaħar li jgħixu fil-kastelli u li huma superjuri għax għandhom poteri speċjali, u l-Melitasjani li huma inferjuri u jgħixu fil-villaġġ biex jaqdu lil tal-ewwel. Din hija soċjetà ġerarkika, fejn anki fost l-istess sħaħar hemm min jikkmanda u min jobdi l-ordnijiet.  

Interessanti l-lingwa li jużaw is-sħaħar biex jiġġeneraw is-seħer tagħhom, kliem Malti li fl-istorja preżenti hu meqjus bħal ilsien arkajku u speċjali: hekk fost il-kliem li jużaw is-sħaħar insibu “Iftaħ bieb”, “kmand”, “fuq”, “isfel”, “saħħa”, “nar”, “ħawħ”, “ikel”, “ilma”, “dawl”, “pala”, “ħbula”, “iġbed”, u “maltemp”. Hemm kliem ieħor interessanti bħal “ħadidium”, “Angklu”, “snasar”, “Ġorrpatrija”, “Xemxa”, “ħmeġel” (taħlita bejn ħmar u ġemel), u “kurċar”. Kliem bħal “asafar” (idea ta’ paċi u vulnerabbiltà) u “Gullinferni” (idea ta’ theddida) bħal jitqiegħdu f’kuntrast, u jfakkru fil-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin. Fi tmiem il-ktieb l-awtriċi tagħtina Glossarju ta’ dawn il-kliem bit-tifsiriet tagħhom. 

L-awtriċi tibni d-dinja li trid iddaħħalna fiha bil-mod il-mod u anki permezz ta’ persunaġġi, deskrizzjonijiet diversi, u anki l-appell għas-sensi, fosthom is-smigħ, ix-xamm, il-vista, u s-sens tattili. Ewliena hija l-protagonista, żagħżugħa ta’ 14/15-il sena, u li minkejja li tgħix fil-kastell tħossha ġewwa ħabs li minnu xi darba jew oħra trid taħrab. Hemm ċerti poteri li jiġu skoperti matul il-qari tar-rumanz, bħat-telepatija u t-teleportazzjoni, apparti sigrieti li għad iridu jinkixfu. 

Partijiet imdaqqsa jieħdu l-forma ta’ djalogi ħajjin bejn Ewliena u personaġġi oħra li jduru madwarha, filwaqt li matul il-qari jinbtu bosta mistoqsijiet f’moħħ il-qarrej. Ta’ min hu l-ktieb bil-qoxra tal-ġilda li Ewliena tieħu mil-librerija ta’ Vellià? X’sigriet taħbi warajha s-siġra Makkja? X’inhi r-rabta bejn imgħoddi, preżent u ġejjieni? X’rabta hemm bejn il-Melitasjani (u t-tfajjel Lenom) u Ewliena? Għaliex jisimha Ewliena? Għaliex tissejjaħ ibrida? X’importanza għandhom it-tpinġijiet li Ewliena tagħmel bil-linka speċjali? Min huma l-Kels? Ewliena bint min hi? Li hu ċert hu li Ewliena hija tfajla ta’ ċerta konvinzjoni, rasha iebsa, b’forza kbira u misterjuża li xi darba jew oħra jridu joħorġu minnha wara tant żmien magħluqin fiha. Fiha hemm l-għatx għall-verità u x-xewqa għall-ħelsien. 

Mekkaniżmu ieħor hu dak li l-awtriċi tintroduċi ċerti elementi ġodda f’għamla ta’ kliem individwali bħal “war” u “transformation” biex tnissel kurżità ġdida fil-qarrejja u b’hekk jibqgħu jaqraw. Fenech iddaħħalna minn waqt għall-ieħor fi mkejjen ġodda, bħall-post fejn jinħadmu l-pozzjonijiet, il-ġnien ta’ Qaljenza fejn filli m’hemm xejn ħlief deżolazzjoni u bajtar tax-xewk, u filli titfaċċa wesgħa bla qies ta’ ħdura naturali li tħalli lil Ewliena bla kliem. Hemm ukoll bħal spazju liminali li Ewliena tidħol fih b’kumbinazzjoni meta taħrab mill-kastell: hawn jaħkmu d-dlam, riħa tinten, tajn, u ħajt għoli bi tpinġijiet li donnhom jirrakkuntaw battalja li seħħet xi darba. Dan l-ispazju għandu isem: Kordinaus, mela ħabs, post fejn iseħħu torturi, swat u abbużi. Kollox jikkontribwixxi biex tinbena ċerta tensjoni, u l-għarfien min-naħa ta’ Ewliena ta’ postijiet bħal dawn jikkontribwixxi biex tikber u tagħraf iktar lilha nnifisha. 

Personaġġ importanti ieħor hija Dame Vellià, il-gwardjana ta’ Ewliena. Ir-rwol tagħha hu li tieħu ħsieba imma anki li tara li Ewliena ma tużax is-seħer tagħha u li trażżanha b’kull mod possibbli jekk tagħmel dan. Bil-mod il-mod nifhmu li Vellià mhix biss kiefra u sadista li bħal tieħu gost tara lil Ewliena tissawwat, imma anki protettriċi tagħha, u għalhekk hemm partijiet fejn joħroġ l-aspett uman tagħha. Hemm waqt meta l-awtriċi taħsad lill-qarrejja permezz ta’ episodju movimentat fejn Ewliena taffaċċja lil Vellià, b’din tal-aħħar tbiddel kompletament l-atteġġjament sever tagħha f’wieħed ta’ komprensjoni u sabar. 

Fil-kapitli tat-tmiem il-qarrej bħal jinqabad fi spirall jew kurrent li diffiċli jinħall minnu u b’hekk ikollu jibqa’ jaqra biex jara kif il-biċċa se tiżvolġi. Ir-rakkont jieqaf fin-nofs ladarba l-awtriċi ġġagħalna nifhmu li dan hu biss l-ewwel ktieb u għalhekk l-istorja trid tissokta. 

Journal of Ewliena mbagħad b’xi mod ikompli fejn ħalla r-rumanz. Il-font magħżul hu tip ta’ korsiv biex jagħti l-idea li Ewliena qed tiktbu b’idejha waqt li tinsab maqfula f’kamritha bħala kastig. Jinħass li fil-kelma hemm ċertu seħer u għalhekk id-djarju jfakkar f’episodji u ħwejjeġ li seħħew fil-passat u li qrajna diġà dwarhom. Il-kitba u t-tpinġija huma modi kif Ewliena taħrab mis-sitwazzjoni ta’ ħabsija li fiha tinsab. F’parti mid-djarju Ewliena tilgħab bl-ittri ta’ isimha biex tipprova tifhem hi min hi verament, u f’parti oħra tikteb dwar is-swat kiefer li kienet taqla’. 

Kollox jgħin biex nifhmu li għad hemm ħafna iktar x’jinkiteb u xi jrid jiġi skopert. Min huma l-familjari ta’ Ewliena? Għaliex ir-rabja u s-swat ta’ Vellja? Għaliex Vellja tagħti t-tort tal-qirda tal-Melitasjani u ta’ Miragasia lil Ewliena? Dan kollu juri li hemm lok għal sequel li l-qarrejja żgur ħa jistennew bil-ħerqa. 

More in Arti