25 jum u 25 attività ... Il-Belt Valletta se terġa' tinbidel fil-belt tal-Milied

Dalgħodu tħabbar il-programm tal-Milied fil-Belt Valletta li se jibda nhar il-Ġimgħa li ġej u jagħlaq bir-ritorn tal-attività ta' Lejliet l-Ewwel tas-Sena fi Pjazza San Ġorġ

Dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar il-programm tal-attivitajiet tal-Milied fil-Belt Valletta li se jkun mifrux bejn il-25 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 2022. B'25 jum, fil-Belt Valletta se jkun għaddej 25 avveniment.

Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, akkumpanjat miċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef.

Il-Ministru Owen Bonnici ddeskriva dan il-programm bħala opportunità għall-familji Maltin u Għawdxin biex iżuru l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna matul il-perjodu tal-Milied, li ddeskrivieha bħala l-post perfett għal ċelebrazzjonijiet bħal dawn.

Iċ-Chairperson Jason Micallef tenna kif dan il-Milied se jilqgħu lill-familji lura fil-Belt Valletta b’attivitajiet u attrazzjonijiet fuq medda ta’ xahar.

Huwa stieden lil kulħadd biex jieħu nota tal-avvenimenti fuq il-programm fosthom baned fit-toroq u street walkers, korijiet u kunċerti mużikali minn numru ta’ gruppi popolari li jinkludu The New Victorians, MARA, Centrestage, Klinsmann, Tikka Banda, Big Friends Guggen Musik u Sterjotipi, fost oħrajn.

Jason Micallef qal ukoll li għall-ewwel darba minn wara l-pandemija, l-avveniment tal-aħħar tas-sena se jkun qiegħed jerġa’ jsir fi Pjazza San Ġorġ.

Id-dwal u s-siġar tal-Milied fil-postijiet ewlenin fil-Belt Valletta se jinxtegħlu fil-25 ta’ Novembru meta ser jiġi inawgurat ukoll presepju artistiku tal-Milied biswit id-daħla tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Il-proġezzjonijiet spettakolari Pjazza San Ġorġ se jibdew fis-7 ta’ Diċembru.

Se tindaqq ukoll mużika tal-Milied fi Triq ir-Repubblika matul il-perjodu kollu.

Opening Doors, Amber, Sean Borg u Veronique Vella, Jackson’s Żaqq u Tanbur Folk Group, Franklin, Dancel Dance Studio u workshop immexxi minn Sarah Galea u Caroline Curmi fejn it-tfal jistgħu jibnu l-pupazzi, huma wkoll fost l-avvenimenti tal-programm Christmas in the Capital.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena jagħlqu l-programm bil-kbir, bi spettaklu mill-aqwa ta’ mużika b’diversi mistiedna speċjali. Iżjed dettalji se jkunu qed jingħataw fil-jiem li ġejjin. 

Wieħed jista’ jżur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.

More in Arti