Kotba | Qari biss, qari spiss

Mark Vella jkellem lil Robert Pisani, reċensur online li l-kotba jiddivorahom, imma wkoll kapaċi jagħti ġudizzji mgħallmin dwarhom.

Meta ma nlaħħaqx mal-qari, nippubblika intervista jew xi xorta oħra ta’ artiklu. Mhux għal dik ir-raġuni biss, fil-verità, imma l-fatt li Robert Pisani jaqra xi tnax-il ktieb fix-xahar, għall-pjaċir iktar milli bħala obbligu jew għax-xogħol, iġegħelni nikxef din it-tattika tiegħi lill-qarrejja. Pisani ilu magħruf bħala DJ konoxxitur tal-mużika alternattiva, u daqstant bħala qarrej klubi li l-kotba mhux biss jikolhom, imma jixtarrhom ukoll, tant li f’dawn l-aħħar snin ħareġ bħala reċensur frekwenti fuq l-internet. 

Bob, kif inhu ukoll sikwit magħruf, jgħidli li l-ewwel drabi li beda jagħmel xi xorta ta’ reċensjoni fuq blogg kien fuq riħet tnebbiħ minn kotba tat-tip 1000 Books to read before you die (hemm tal-films u tad-diski wkoll, fost l-oħrajn). Għal min jiddeletta, kotba bħal dawn iqarrbuk wisq lejn ir-realizzazzjoni li għad trid tmut, anki mil-lum għal għada, u l-ħajja qasira wisq biex taħliha u titlef iż-żmien. Filwaqt li għad-diski u l-films, jaf jintlaħaq dak it-tragward, jekk teħodha bis-serjetà biżżejjed u jkollok stennija medja ta’ għomor, għall-kotba donnu mod ieħor: l-aktar jekk f’dil-bixkilla tal-elf, ikollok taqra d-Divina Commedia, l-Odissea u r-Recherche, kif ukoll klassiċi oħra li mhumiex biss voluminiżi iżda trid iż-żmien biex anki tifhimhom u tapprezzahom. 

Bħal ħafna li daħlu għaliha din l-isfida, Robert ma qatax qalbu, iżda forsi waqaf tikka minnha, anki biex ilaħħaq mal-qari kostanti ta’ xogħlijiet kontemporanji. Imrobbi l-Kanada u mbagħad lura Malta ta’ adolexxenti, Malti bħalna u jifhmu l-ilsien, minkejja li forsi ma jomogħdux bħal kulħadd. L-interess tiegħi f’xogħlu, għalhekk, ġie ppikat meta bdejt nara darba fill, u issa dejjem b’regolarità akbar, reċensjonijiet qosra ta’ kotba bil-Malti. Pisani huwa żgur midħla tal-kanonu u tax-xena Anglo-Amerikana, u kontinwament iħabbar li qara titli li, nagħtu każ, ikunu qed jikkonkorru fi premji barranin bħall-Booker. Jaqra wkoll, għaliex bl-Ingliż il-biċċa l-kbira tal-qari tiegħu, xogħlijiet tradotti, imma l-Malti ġie għalih daqsxejn aktar tard. 

Insaqsih dwar din il-‘konverżjoni’, jekk tista’ ssejħilha hekk, anki għaliex mhijiex fula f’qargħa fix-xena Maltija, u l-qalba Damaxxena lingwistika nsibu eżempji ċelebri tagħha f’kittieba minn Dun Karm sa Alex Vella Gera. Kontra li ħsibt, in-nuqqas ta’ qari Malti ta’ Robert ma kienx frott il-preġudizzju, anki għall-fatt li jekk int qarrej, taqra kollox. Madankollu, jammetti li, anki ta’ tifel u tul iż-żmien —u din għadha realtà li jaf għadna ma affrontajnihiex sew — il-ktieb Malti seta’ ma kienx jappella għal kulħadd. Għal diversi raġunijiet, li jibdew mit-test u jkomplu ’l barra minnu. Madankollu, jidher li l-kittieba l-kontemporanji, possibbilment minn nofs id-disgħinijiet ’il hawn, donnhom sfrundawha barriera bħal din, u kull ma jmur, speċjalment f’dawn l-aħħar snin, dan il-progress qed jibqa’ għaddej ġmielu. 

Tant hu hekk li Pisani jsemmi kotba partikolari li fetħulu t-triq għall-Malti, bħal Riħ Isfel ta’ Pierre Mejlak u t-triloġija ta’ Wied Wirdien ta’ Loranne Vella u Simon Bartolo. Eqreb għal-lum, fost għadd ta’ kotba u kittieba li għoġbuh u li rreċensihom, hemm il-ktieb ta’ Lon Chircop Mitt Elf Isem Ieħor: HappyVeganGirlJules (irreċensit m’ilux hawn ukoll), li flimkien ma’ oħrajn iħoss li donnhom laħqu l-punt dejjem mixtieq għall-ktieb Malti, ta’ aċċessibbiltà popolari li tisboq ċertu medjokrità tipika lokali u li tinħass minnufih li għandha appell universali instantanju u żgur mhux sfurzat. Tant li Pisani jikkummenta b’entużjażmu dwar kotba bħal dawn li jħoss li ħaqqhom ikunu tradotti mill-ewwel għax x’aktarx żgur isibu xi post fis-swieq u l-editorija lil hinn minn xtutna. 

Semmejna l-Malti mhux mimgħud: mhijiex problema tal-barranin jew tal-emigranti li reġgħu lura. Xejn affattu: anzi, hija problema ta’ bosta Maltin, anki kif naraw mir-rapport annwali dwar l-eżamijiet. Imma hija wkoll problema li jaf is-soluzzjoni tagħha tista’ tinstab faċilment. Ilna għal wisq żmien nistaħbew taħt il-kappa ta’ ġganti li madankollu lill-Malti, bla ma riedu, irrelegawh għall-istat ta’ oġġett ta’ antikwarjat, espressjoni folkloristika superfiċjali jew inkella, biex immorru għall-estrem l-ieħor, qasam tassew għall-ftit ‘li jifhmu’. U jien u nitkellem ma’ Pisani, nimmaġina sikwit id-diffikultajiet għaż-żgħażagħ li l-Malti jiġrilhom ippreżentat biss mod wieħed minn ħafna, meta mbagħad, hekk kif jirfsu lura għall-ħajja ta’ veru, sar hemm tant kotba tajbin u aċċessibbli, b’Malti modern u mhux imfittex li jimxi labranzetta mal-attitudnijiet u l-kontenuti kontemporanji u b’wisq inqas deferenza lejn it-tradizzjoni. Li hi wkoll kwalità ta’ Pisani, sew bħala qarrej u reċensur, li jaqra l-Malti, anki minħabba ċ-ċirkostanzi idjosinkratiċi tiegħu, mingħajr kundizzjonament mill-imgħoddi. 

Ktieb ieħor li għad nitkellmu dwaru hawn ukoll, Żifna f’Xifer Irdum ta’ Nadia Mifsud, isemmih Pisani bħala eżempju ta’ din il-kitba l-ġdida li tolqot dawn il-likkijiet diversi. Kitba li x’aktarx twettaq l-għanijiet bażiċi tal-letteratura: tuża l-lingwa biex tinġibed l-attenzjoni lejha, u minn dan joħorġu l-kontenuti u l-emozzjonijiet, aktar milli l-lingwa tintuża bħala tħaddim mekkaniku tad-dizzjunarju u tal-grammatika jew bħala vejikolu għall-viżjoni morali tal-awtur.  

Imma, li hinn minn dan il-mument ċelebrattiv, Pisani Malti u bħal kull reċensur Malti, jammetti l-bżonn ta’ tikka kuraġġ għal din il-biċċa xogħol. Malta żgħira u n-nies magħrufa, u Pisani ma jiddejjaqx jitkellem jekk xi ħaġa ma ddoqqlux, imma dejjem bl-akbar onesta u delikatezza, u anki l-qosor tar-reċensjonijiet tiegħu ma jippermettux żvolġiment profond, iżda xorta frażi xotta waħda taf tilħaq l-effett mixtieq. Jgħidli li s’issa, dawk li kkritika fil-biċċa l-kbira aċċettaw il-kummenti bil-grazzja, imma dejjem jibqa’ dik is-sensazzjoni li għad xi darba jirfes il-kallu l-ħażin. 

Fl-aħħarnett, ma nistgħux ma nsemmux il-bqija tal-ħajja ta’ Pisani, li litteralment jgħix fil-kotba, anki għaliex librar fi skola. Nistaqsih daqsxejn dwar id-drawwiet tal-qari tat-tfal tal-lum, u jgħidli li t-tfal sikwit ikunu qarrejja voraċi, anki minħabba l-varjetà sabiħa ta’ kotba li hemm għall-qarrejja żgħar u żgħażagħ, iżda aktar ma jikbru, jaf b’xi mod jibda jintilef id-delizzju. Anki għall-fatt, partikolarment f’Malta, fejn in-niċċa tal-adulti żgħażagħ għadha ma ġietx iffullata daqskemm wieħed jixtieq. Il-qari, m’għandniex xi ngħidu, għandu l-kompetituri tiegħu fid-dinja tal-lum, mid-dinja kollha tal-online u tal-media soċjali sas-sensiliet fuq il-pjattaformi, li saru l-mezz narrattiv ewlieni u jħabbtuha sew mal-ktieb u anki maċ-ċinema kif konna nafuh sa ftit ilu. 

Hija ġenerazzjoni wisq aktar viżiva minn dawk ta’ qabilha, ikompli Pisani. U jaf din hi wkoll iċ-ċavetta lejn sura ġdida ta’ ċertu kotba jew ta’ strateġija biex inżommu liż-żgħażagħ qarrejja. Imma hawn ukoll jidħol, jekk mhux l-ottimiżmu, l-għarfien tal-kumplessità intriganti tad-dinja tal-ktieb. Għaliex minkejja dawn l-isfidi kollha, il-ktieb għad għandu leħen u jkompli jkellimna, u sikwit qed joħorġu kotba ta’ suċċess li huma voluminużi u xorta jinqraw, anki għall-fatt li kapaċi jipprovdu esperjenza intensament immersiva, u donnhom jibqgħu jisfidaw din id-dinja ġdida tal-qosor, ix-xbiha u l-veloċità. 

Minn quddiem il-kamera li qed nitkellmu minnha fil-laqgħa virtwali tagħna, nara abt Pisani jipprova jilħaq quddiemu għall-aħħar rumanz ta’ Hanya Yanaghira biex jurini dal-volum m’eħxen 720 paġna. Warajh nara xkaffa mburġata, fosthom iż-żewġ volumi, fihom ukoll, ta’ 1Q84 ta’ Murakami. U ħoxnin jew irqaq, xjuħ jew ħalib ommhom fi snienhom, nerġa’ niftakar f’kemm huma sbieħ il-kotba u x’dinjiet infiniti jiftħulna biex nintilfu fihom u nsibu triqitna lura għall-ħajja, mibdulin.  

Ir-reċensjonijiet ta’ Robert Pisani ssibuhom fuq The Bobsphere Ramblings on Books, Music and Films: https://thebobsphere.wordpress.com

More in Arti