Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Santa Luċija, Bambini tal-Milied u l-Belt Valletta

L-aħħar mis-sensiela ta' artikli miktuba minn Clifford Galea fl-okkażjoni tal-Valletta 2018

Clifford Galea / 18 ta' Diċembru 2018 09:38
Ritratt | Carl Farrugia
Peress li fix-xahar ta’ Diċembru, xħin inkunu qed noqorbu lejn in-novena tal-Milied, il-liturġija tiċċelebra l-festa tal-martri Santa Luċija, li lilha għandna knisja ddedikata fil-Belt kapitali tagħna, ħsibt li jkun xieraq li nwasslilkom ftit informazzjoni dwarha. 

Santa Lucija ta' Siracusa (283-304), kienet martri Kristjana li mietet waqt il-persekuzzjoni qalila ta’ Dijoklezjanu. Hija vvenerata bħala qaddisa mhux biss mill-knejjes Kattoliċi imma anke minn dawk  Anglikani, Luterani u Ortodossi. Hija wkoll waħda mit-tmien nisa li flimkien mal-Imqaddsa Verġni Marija tiġi kkommemorata b’isimha kull darba li tingħad it-talba ewkaristika magħrufa bħala l-Canone Ruma fil-Quddiesa. Il-ġurnata tal-festa tagħha, magħrufa bħala Jum Santa Luċija, fil-Punent hija ċċelebrata fit-13 ta' Diċembru.

Id-dettalji tal-ħajja tagħha huma dawk tradizzjonalment marbuta mal-martri nisa tal-ewwel sekli. John Henry Blunt isemmi l-istorja tagħha bħala rumanz Kristjan simili għall-atti ta’ martri verġni oħra. Skont l-istorja tradizzjonali, Luċija twieldet minn ġenituri sinjuri u nobbli madwar is-sena 283. Missierha kien ta’ oriġini Rumana, iżda miet meta hija kellha ħames snin u ħalla lil Luċija u lil ommha mingħajr gwardjan protettiv. L-isem ta’ ommha kien Eutichia li jindika li kienet ta’ nisel Grieg.

Bħal ħafna mill-martri  bikrija, Luċija kienet ikkonsagrat il-verġinità tagħha lil Alla, filwaqt li  qassmet id-dota tagħha lill-foqra. Peress li ommha Eutichia ma kinitx taf b’din il-wegħda ta’ bintha peress li kienet tbati minn marda tat-tnixxija tad-demm ħasbet biex tirranġa żwieġ għal Luċija ma’ żagħżugħ ta' familja pagana għonja.

Sadanittant Luċija kkonvinċiet lil ommha biex imorru  pellegrinaġġ minn Siracusa sa Katanja, fuq il-qabar tal-martri Sant’Agata maqtula ħamsin sena qabel, bit-tama li din tfiq. Waqt li kienu hemm, Sant’Agata dehret lil Luċija f’ħolma u qaltilha li minħabba l-fidi tagħha ommha ħa tfiq u li Luċija għad tkun il-glorja ta’ Siracusa kif bil-martirju tagħha hija kienet ta' Katanja. B’ommha mfejqa, Luċija ħadet l-opportunità biex tipperswadiha tħalliha tkompli tqassam parti kbira mill-għana tagħha lill-foqra.

L-aħbar li l-patrimonju u l-ġawhar kienu tqassmu ma damux ma waslu għand l-għarus imwiegħed ta’ Luċija li rrapportaha lil Paschasius, il-Gvernatur ta' Siracusa. Paschasius ordnalha li taħraq sagrifiċċju lill-immaġni tal-imperatur. Luċija rrifjutat u Paschasius kkundannaha biex tinxteħet f’burdell. It-tradizzjoni Nisranija tgħid li meta l-gwardjani waslu biex jeħduha lejn dan il-post, ma setgħux imexxuha anqas meta ppruvaw jiġbduha bil-bhejjem. Għalhekk minflok, ħejjew qatgħet tal-injam fil-post u ttantaw jagħtuha n-nar, iżda ma nħarqitx. Fl-aħħar nett, hija ltaqgħet mal-mewt tagħha taħt il-qilla tax-xabla.

Fin-narrattivi tal-martirju tagħha li nkitbu wara l-15-il seklu nsibu wkoll l-istorja ta’ kif Luċija ġiet  ittorturata bil-qlugħ tal-għajnejn. Ir-rakkonti jgħidu li qabel ma mietet hija ħabbret kif kellu jbati l-gvernatur Paschasius u kif kellha tintemm il-persekuzzjoni bil-waqgħa ta’ Dijoklezjanu. Meta sema’ dan kollu jingħad li Paschasius ordna lill-għassiesa biex jaqilgħu għajnejn Luċija minn ma’ wiċċha. Iżda jingħad li meta ġisimha  kien qed jiġi ppreparat għad-difna fil-kripta tal-familja, indunaw li għajnejha kienu qegħdin mill-ġdid f’posthom bl-istess sbuħija li kellhom qabel ma nqalgħu.

Il-festa ta’ Santa Luċija taħbat nhar it-13 ta' Diċembru fi żmien l-Avvent. Peress li l-festa tagħha hija qrib is-solstizju tax-xitwa, l-iqsar jum tas-sena, dan il-jum ħa wkoll sura ta’ festa tad-dawl.

Il-Knisja ta’ Santa Luċija li nsibu  fil-Belt Valletta, hija waħda mill-knejjes żgħar tal-kapitali tagħna. Il-knisja nbniet fl-1570, erba' snin wara li bdiet tinbena l-Belt Valletta. Oriġinarjament kienet iddedikata lil San Franġisk ta’ Paola, li l-istatwa tiegħu nsibuha fuq fil-kantuniera ta’ triq ta' San Luċija, eżatt quddiem il-knisja. L-ewwel patrijiet Dumnikani li marru fil-Belt Valletta mill-Birgu, kienu jamministraw is-sagramenti minn din il-knisja qabel ma nbniet il-knisja tagħhom tal-Madonna ta’ Porto Salvo. Il-knisja nbniet mill-ġdid iktar ’il quddiem b’għotjiet imħallsa min-negozjanti tal-inbid fil-Belt. Meta l-knisja nbniet mill-ġdid, ġiet iddedikata lil Santa Luċija u San Vinċenz Ferrer.

Il-bini tal-knisja huwa elenkat fl-inventarju nazzjonali tal-proprjetà kulturali tal-gżejjer Maltin. Il-pittura titulari turi lill-Immakulata Kunċizzjoni flimkien ma’ San Pawl, Santa Luċija, San Vinċenz Ferrer u Santa Kjara. Taħt l-altar maġġur insibu il-korp sant ta' San Luċjan, martri miġjub miċ-ċimiterju ta’ Santa Priscilla f'Ruma. L-altar tal-ġenb huwa ddedikat lil San Franġisk ta’ Paola u lil San Baskal Baylon

L-artal maġġur armat għall-festa ta’ Santa Luċija
Il-vara ta’ Santa Luċija fil-Knisja tagħha fil-Belt Valletta
Il-kult tal-Bambini tal-Milied ... mill-Belt Valletta għal mal-gżira kollha

Peress li dan huwa l-aħħar artiklu tiegħu din is-sena u anke f’din is-serje fl-okkażjoni tal-Belt Valletta - Belt Kulturali Ewropea 2018, xtaqt ukoll nagħtikom ftit ħjiel dwar tradizzjoni antika ħafna ta’ pajjiżna li x’aktarx li bdiet minn ġol-knejjes u palazzi tal-Belt Valletta u xterdet grazzi għal ħeġġa ta’ qassis Belti fid-djar ma’ Malta kollha.  

It-tradizzjoni tal-Bambin tal-Milied tmur lura għal madwar sitt mitt sena. Żviluppat fir-Rinaxximent meta d-Divinità ta’ Alla, kif ġiet murija permezz Ġesù Kristu, bdiet tingħata dimensjoni umana. Dan I-umaniżmu ġdid ġab miegħu l-iskoperta tal-infanzja fl-Ewropa, element Ii kien nieqes ħafna fil-ħsieb medjevali. It-tfulija prattikament ma kinitx teżisti. Sa minn meta t-tfal kienu jibdew jimxu kienu jibdew jitqiesu bħala adulti u għalhekk kienu jiddaħħlu ġa minn kmieni fid-dinja tax-xogħol.

L-idea Ii AlIa nnifsu fiI-figura ta’ Ġesù, kellu tfulija bdiet bil-mod tbiddel dan il-ħsieb medjevali. Insibu prinċipalment żewġ tipi ta’ Bambini, dawk Ii għandhom ġesti tal-adulti kontra I-oħrajn li juru I-fattizzi ta' tarbija. Il-karatteriska waħda Ii tgħaqqad il- Bambini kollha hija t-tbissima fuq wiċċ kull wieħed minnhom.

Mingħajr it-tbissima x-xbieha qatt ma tista’ ssir  Bambin tal-Milied. Hija din it-tbissima Ii toħloq element ta’ seħer, ħlewwa u sbuħija marbuta ma’ din l-imaġini. Huwa għalhekk li ħafna drabi l-Milied huwa assoċjat aktar mat-tfal, filwaqt Ii għalina l-adutli hija okkażżjoni Ii terġa' teħodna b'nostalġija Iejn it-tfulija tagħna, iż-żmien tal-innoċenza.

'dan il-kuntest insibu lill-qassis Malti Dun Ġorġ Preca. Bis-semplicità tiegħu, Dun Ġorġ  iwassal biex iI-Bambini tal-Milied ma jibqgħux oġġetti prezzjużi Ii jinsabu f’postijiet u għand nies privileġġjati. Qabel dawn kienu jinstabu biss fil-knejjes jew fid-djar ta' nies prominenti iżda b’rieda Dun Ġorġ daħħalhom f’kull rokna ta’ gżiritna.

Grazzi mill-qalb talli segwejtu b’interess din is-serje ta’ artikli tiegħi u nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom awgurju mill-isbaħ ta’ Milied hieni u sena ġdida mimlija barkiet.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook