Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Kważi kważi lil Tamara nżommuha

Pubblikazzjoni ta' stil differenti minn Merlin Publishers

Jean Pierre Cassar / 24 ta' Jannar 2015 15:55
Malli jaqbżu t-tnax-il sena – jew anki, xi kultant, iżgħar minn hekk – it-tfal ma jibqgħux jidentifikaw ruħhom bħala tfal imma jkunu qed ifittxu identità ġdida bejn tfal u adulti. U dan jirrifletti ruħu f’kulma jgħidu, jilbsu, jagħmlu … u jaqraw. Il-kotba li jaqraw l-adolexxenti, fil-fatt, ikunu differenti ħafna kemm minn dawk tat-tfal kemm minn dawk tal-adulti.

L-hekk imsejjaħ young adult literature jew anki teenage literature jinkludi fih tip ta’ letteratura li ma tittrattax lill-qarrej bħala ċkejken, imma titkellem miegħu b’mod miftuħ. Anki, xi drabi, dwar temi iżjed diffiċli. Fl-istess ħin, din it-tip ta’ letteratura tirrikonoxxi li l-adolexxenti għadhom mhumiex adulti u allura toqgħod attenta meta tmiss ma’ ċerti ideat u suġġetti.

Fil-letteratura Maltija, il-kotba għall-adolexxenti qed jiżdiedu iżjed ma jgħaddi ż-żmien, u wieħed mill-aktar żidiet riċenti huwa Kważi kważi lil Tamara nżommuha, rumanz oriġinarjament miktub bit-Taljan minn Georgia Manzi, u addattat għall-Malti mill-awtur magħruf Simon Bartolo.

Pubblikazzjoni Merlin Publishers, dan ir-rumanz jittratta dwar tfajla Taljana li mal-ġenituri tagħha tmur tgħix Ateni, il-Greċja, meta missierha jingħata xogħol hemmhekk. Qegħdin f’nofs il-kriżi ekonomika li laqtet lill-Greċja ftit ta’ snin ilu. F’nofs dik l-inċertezza kollha, it-tfajla – Lilli – tagħmel ħbieb ma’ ġuvni u tibda tinbet relazzjoni bejniethom.

Imbagħad f’daqqa jinqalgħu problemi – anki serji – fil-familja tagħha li minħabba fihom kulma Lilli kienet ċerta dwaru fil-ħajja, u kulma kien għaddej madwarha, jibda jinbidel. Lilli ma jifdlilha xejn ħlief li tippjana kif tista’ titlaq mid-dwejjaq li hemm fid-dar.

Iżda fid-dar hemm ukoll Tamara, seftura Rumena b’qalb enormi, u Lilli bil-mod il-mod tibda tirrealizza kemm din il-bniedma hija preżenza soda f’ħajjitha.

It-traduttur Simon Bartolo huwa wieħed fost l-awturi Maltin l-iżjed popolari mat-tfal u l-adolexxenti. Huwa kiteb, flimkien ma’ Loranne Vella, it-triloġija tal-Fiddien. Kiteb ukoll ir-rumanz ghall-adolexxenti Deformity kif ukoll rumanzi oħra.

Kważi kważi lil Tamara nżommuha jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew online direttament minn www.merlinpublishers.com

Jean Pierre Cassar gradwa mill-Università ta' Malta b'Baċellerat fil-Malti. Kompla l-istudju tiegħu fl-interpretar fejn kiseb iċ-ċertifikat biex ikun jista' jaħdem bħala interpretu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Preżentament jokkupa l-kariga ta' Aġent Editur mal-ġurnal Illum.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook