Immigranti jitlajjaw għax-xogħol...imma dawn ma kellhomx jinqatgħu?

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Clyde Caruana, iċ-Chairperson Eżekuttiv ta’ Jobsplus

Kull min filgħodu jgħaddi bil-karozza mill-Marsa, partikolarmant minn Triq Aldo Moro, jilmaħ għadd ta’ immigranti bil-barżakka wara daharhom, jistennew li xi proxxmu biex jieqaf u joffrilhom xogħol.

Imma dan l-abbuż ma kellux jinqata’? X’sar mill-proposta tal-Gvern, żvelata mill-gazzetta ILLUM fis-17 ta’ April 2016, biex jitwaqqaf uffiċċju li joffri xogħlijiet lill-immigranti u jassigura li jitħallsu għal dak li ħaqqhom?

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Clyde Caruana, iċ-Chairperson Eżekuttiv ta’ Jobsplus li spjega kif dan l-uffiċċju ilu jiffunzjona aktar minn sena.

L-għan ta’ dan l-uffiċċju huwa li jirreġistra lill-immigranti u dawn jingħataw xogħol skont l-esperjenza u x-xogħlijiet li kapaċi jaħdmu.

Il-proposta oriġinali kienet li l-immigranti jitħallsu direttament minn dan l-uffiċċju b’sistema ta’ ‘vouchers,’ skont is-sigħat li jkunu ħadmu. Dawn kellhom jingħataw sa massimu ta’ €6 fis-siegħa.

Madanakollu, wara li kienet saret konsultazzjoni, kien intlaħaq qbil li l-ħlas jitħalla f’idejn l-impjegatur li jiffirma fl-uffiċċju u jintrabat li ma jħallasx inqas mill-paga minima. Il-ħlas ikun diskuss bejn l-immigrant u min qed iħaddmu.

“Nassigurak li llum l-immigranti saru jafu kemm għandhom jitħallsu,” saħaq Caruana.

Mistoqsi jekk qattx kien hemm ilmenti, spjega kif f’sena kien hemm każ jew tnejn ta’ impjegatur li ma ħallasx skont il-liġi. Insista li meta impjegatur jinqabad jabbuża, jinqata’ mil-lista ta’ dan l-uffiċċju.

Clyde Caruana
Clyde Caruana

Iżda tgħaddi meta tgħaddi, xorta waħda ssib immigranti jitlajjaw fi Triq Aldo Moro, jittamaw li jgħaddi xi proxxmu u jipprovdilhom xogħol. Allura dawn min huma?

Skont Caruana, it-tweġiba hija waħda u sempliċi. Dawn huma immigranti li ħadu l-ażil l-Italja, ingħataw id-dokumenti u ġew Malta biex jaħdmu. Għalkemm dawn l-immigranti għandhom dritt li jiġu Malta, ma jfissirx li għandhom dritt li jaħdmu hawn, anzi jistgħu jaħdmu biss fl-Italja, ġaladarba dak huwa l-pajjiż li tahom il-protezzjoni

Ma hemmx għalfejn immorru ’l bogħod ħafna. Kulħadd jiftakar kif ix-xahar li għadda, aktar minn 100 immigrant b’dokumenti Taljani, instabu jgħixu ġo razzett tal-baqar f’kundizzjonijiet inumani.

Il-mistoqsija f’dan il-każ baqgħet waħda: Minn fejn kienu qed iġibu €100 fix-xahar biex ikunu jistgħu joqogħdu fir-razzett? Ma tridx ħafna ħsieb biex tikkonkludi li dawn kienu qed jaħdmu.

Ma għandniex xi ngħidu, f’dan il-każ mhux huma biss kienu qed jiksru l-liġi, imma kull min ipprefera jħaddem lilhom biex iħallashom biċ-ċiċri.

Lura fl-2015, il-gazzetta ILLUM kienet niżlet fit-toroq tal-Marsa, tistaqsi lill-immigranti bilqiegħda fuq il-bankina u fuq ir-roundabout, kemm qed jitħallsu għax-xogħol. Il-maġġoranza tagħhom kienu qed jitħallsu bir-rata ta’ €3 u ftit kienu dawk ta’ xortihom tajba li kien qed jitħallas bil-€5.

Kienu dawn l-artikli ta’ din il-gazzetta, li waslu lill-Gvern biex ixammar il-kmiem u jħabbar li se jkun qed iwaqqaf dan l-uffiċċju li jipprovdi xogħol bi ħlas lill-immigranti.

Issa, il-ballun jinsab f’idejn l-awtoritajiet li xogħolhom jinfurzaw il-liġi, li jieħdu ħsieb lil dawk li minkejja kollox, xorta waħda sabu mezz kif jibqgħu jisfruttaw barranin, li ma jagħtux każ jitħallsux €3 jew €6, l-aqwa li filgħaxija jkollhom biex jimlew żaqqhom u jsibu kamra fejn jorqdu, anke jekk iffullata.

More in Socjali