Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Sa €6 fis-siegħa fi ħlas għall-immigranti

Il-Gvern jipproponi sistema li se tiġġieled l-abbuż sfrenat u l-prekarjat li jibda minn Triq Aldo Moro

Albert Gauci Cunningham / 17 t'April 2016 19:55
 

Kif kienet żvelat l-ILLUM fil-ħarġa tat-28 ta’ Frar 2016, il-Gvern qed jipproponi sistema li permezz tagħha jinqata’ l-abbuż sfrenat li ilu għaddej snin fil-Marsa u li s’issa qatt ma kien indirizzat. Fil-fatt, fil-proposti li bħalissa tressqu għall-konsultazzjoni pubblika, il-Gvern qed jipproponi li dawk l-immigranti li jagħmlu użu minn uffiċċju li minnu jkunu jistgħu jingħataw siegħat ta’ xogħol minflok jitlajjaw fi Triq Aldo Moro jitħallsu sa massimu ta’ €6 fis-siegħa. Dan il-ħlas isir għal dawk li jingħataw siegħat individwali ta’ xogħol. Il-ħlas jinżel għal €5.75 fis-siegħa għal bejn 10 u 20 siegħa xogħol, u jerġa’ jinżel għal €5.50 fis-siegħa għal dawk li jaħdmu bejn 21 u 40 siegħa xogħol.

Il-ħlas minimu, jiġifieri dak ta’ €5.50 huwa ekwivalenti għall-paga minima fl-2016, li hija bbażata fuq ħlas bażiku ta’ €4.20, flimkien mal-ġranet leave, bonuses u sick leave. Dawn jammontaw għall-ħlas minimu mogħti lill-immigranti, li skont il-proposta tal-Gvern ma jistgħux jaħdmu iktar minn 600 siegħa fis-sena mal-istess persuna.

Is-sistema ta’ ħlas se tkun qed titħaddem permezz ta’ vouchers għal kull siegħa jew għal grupp ta’ siegħat f’daqqa. Dawn il-vouchers, li jintużaw f’sistema simili barra minn Malta, ikunu jridu jittieħdu fl-uffiċċju (Job Brokerage Offices) minn fejn l-immigranti jingħataw il-ħlas dovut. Skont il-proposta li qed iressaq il-Gvern, dan l-uffiċċju jkun responsabbli għar-reġistrazzjoni ta’ dawk interessati li jsibu impjieg b’dan il-mod, filwaqt li żżomm informazzjoni dwarhom, fosthom tal-esperjenza li għandhom fid-dinja tax-xogħol.

Il-Gvern qed jistma li dan l-uffiċċju se jkun qed jilqa’ fih mal-1,500 individwu kull sena għalkemm dan in-numru jista’ jiżdied skont is-suċċess li jkun qed jagħmel l-istess uffiċċju. L-uffiċċju se jkun qed jopera permezz ta’ Public Private Partnership (PPP).

Fid-dokument il-Gvern jgħid li l-għan ewlieni ta’ din l-iskema, parti mid-dokument tal-baġit 2016, huwa li jinqata’ l-abbuż u l-itlajjar f’bosta postijiet, fosthom il-Marsa u li din l-attività tkun waħda legali, li ma tpoġġi lil ħadd fi żvantaġġ.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook